Festi Knisja Kultura Lokali

Il-Furjaniżi jiċċelebraw lil San Publiju bl-ewwel festa tal-istaġun

Ritratt: Joseph Galea
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia fost il-Furjaniżi għall-Festa Titulari tagħhom

Wara li s-Sibt ittella’ l-Festival tal-Logħob tan-Nar tal-Art Mekkanizzat fuq il-Fosos tal-Furjana, il-Furjaniżi l-Ħadd sebħu għall-Pontifikali Solenni fl-għodwa tal-ewwel festa tal-istaġun, il-Festa Titulari ta’ San Publiju.

Għaliha attenda l-Kap tal-Partit Nazzjonalista, Adrian Delia, fost għadd ta’ dinjitarji mmexxija mill-President ta’ Malta, Marie-Louise Coleiro Preca. L-Arċisqof ta’ Malta, Charles J. Scicluna, li mexxa l-konċelebrazzjoni mal-Arċipriet u l-kleru Furjaniż, niseġ il-paniġierku f’ġieħ l-ewwel Isqof ta’ Malta.

Huwa fakkar kif wara n-Nawfraġju, Pawlu wera faraġ, rispett u mħabba ma’ Publiju minħabba li mard li kien qed ibati missieru, sitwazzjoni ta’ tbatija li d-dinja tal-lum trid tostor. Hu rrefera għall-eżortazzjoni appostolika li ħareġ il-Papa Franġisku t-Tnejn, fejn jinghad li l-qdusija tfittex li ssir ġustizzja llum jew għada sabiex tpatti għal għemilek. Din l-istess qdusija tiżra l-paċi, ħaġa li ma tinkisibx fid-dinja taz-zekzik.

Fi tmiem il-Pontifikal, Adrian Delia ltaqa’ mal-Furjaniżi kemm preżenti fil-Knisja Arċipretali kif ukoll fit-toroq Furjaniżi. Spikkat laqgħa li kellu ma’ grupp ta’ atturi u żeffiena Sqallin mill-kumpanija Palermitana Lago Teatro Ditirammu fejn ferħilhom tar-rappreżentazzjoni li tellgħu f’Misraħ San Publiju.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista żar ukoll diversi ħwienet fil-lokalità u l-Każini tal-Futbol, tal-Banda Vilhena kif ukoll dak tal-Partit Laburista. Huwa kien akkumpanjat minn għadd ta’ deputati tal-Ewwel Distrett, kandidati, Kunsilliera Nazzjonalisti u membri tal-Kumitat Sezzjonali tal-Partit Nazzjonali tal-Furjana.

Spikkaw laqgħat f’ħanut tat-te biswit il-Knisja Furjaniża, fejn intalab jiffirma ktieb ta’ viżitaturi speċjali, u ammira sala tal-isnooker, f’bar taħt il-loġoġ, iddekorata b’bosta ritratti ta’ kantanti u futbolers leġġendarji.

Tul iż-żjara ltaqa’ mal-familji Furjaniżi, partikolarment mat-tfal u ż-żgħażagħ li talbuh jieħu ritratt magħhom. Iltaqa’ ukoll mal-poeta Furjaniż, il-Professur Oliver Friġġieri, li miegħu tkellem fuq l-importanza tal-Malti, ilsien li jagħti identità lill-pajjiżna.

Il-Festa ssuktat bil-Marċ Popolari tas-siegħa mill-Banda Vilhena u l-Ħadd filgħaxija ħarġet il-Purċissjoni bil-Vara Titulari ta’ San Publiju, xogħol fl-injam ta’ Vincenzo Dimech fl-1811.

Ritratti: Joseph Galea