Lokali

L-unika ‘Think Tank’ indipendenti tagħlaq il-bibien għal kollox minħabba l-Gvern

It-Today Public Policy Institute (TPPI), meqjus bħala l-unika ‘think tank’ indipendenti f’Malta li m’għandu l-ebda affiljazzjonijiet politiċi ġie fi tmiemu wara nuqqas ta’ fondi minħabba, skont id-direttur tal-istitut, il-biża’ li numru kbir ta’ negozji għandhom mill-Gvern.

Joseph Tabone, li ilu fit-tmexxija minn Marzu tal-2017 tkellem mal-ġurnal The Sunday Times of Malta fejn saħaq li għalkemm saru diversi sforzi l-fondi kienu wisq frivoli biex iżommu lit-TPPI fuq saqajh hekk kif in-negozji spiċċaw wisq kawti li ma jirfsux b’xi mod jew ieħor lill-Gvern preżenti. Huwa saħaq li bosta beżgħu jiġu assoċjati ma’ dan l-istitut indipendenti hekk kif il-metodi tagħhom jaf kienu ma jintlaqtux tajjeb minn min imexxi u eventwalment isforu l-konsegwenzi.

Tabone insista li maż-żmien beda jidħol is-sens ta’ qtiegħ il-qalb u apatija dwar kif qed imexxi dan il-Gvern rigward trasparenza, professjonalità u kontabilità. It-TPPI li tul dawn iż-żminijiet provdiet rapporti siewja dwar setturi ta’ saħħa, immigrazzjoni, ambjent u saħansitra kostituzzjoni – fl-aħħar xhur kienet għaddiet minn ristrutturazzjoni qawwija. Ġiet introdotta wkoll sistema sabiex tissorvelja l-prestazzjoni tal-Gvern. Madanakollu d-direttur ma jemminx li dan il-pass kien il-giljottina finali għall-istitut.

Huwa saħaq li dan kollu jirrifletti s-soċjetà li qed ngħixu fiha – sitwazzjoni li dak li jkun ma jridx itellef jew jaljena lill-Gvern minħabba biża’ li jsoffru konsegwenzi ulterjuri. Tabone insista li għalkemm ser jispiċċaw, żgur li ser ikunu qed jgħatu s-sostenn tagħhom lil kull inizjattiva simili.

Fl-aħħar rapport maħruġ mit-TPPI lura f’Mejju tal-2017 – ntalab liż-żewġ partiti ewlenin sabiex jikkollaboraw bis-sħiħ fejn għandu x’jaqsam nuqqasijiet fil-kostituzzjoni u governanza mhux xierqa.