Lokali

Min qed iħallas għal-lussu li qed jgħix fih il-Prim Ministru?

Qed jitqajmu b’mod insistenti u persistenti mistoqsijiet serji dwar il-lifestyle tal-Prim Ministru u s-Sinjura Muscat u internament fil-Partit Laburista hemm min qiegħed jistaqsi: Imma minn fejn il-koppja Muscat qed iġġib il-flus biex issostni din il-ħajja ta’ lussu li tinkludi safar, vaganzi, ħwejjeġ tad-ditta, ġojjellerija, ikliet, rigali…?

Titħassar btala oħra f’Dubaj

Is-sorsi fil-Partit Laburista li tkellmu ma’ il-mument fissrulna li fil-ġimgħat li għaddew kienet qed tkun ippjanata vaganza oħra f’Dubaj, fejn allura l-ispiża kienet se terġa’ taqbeż it-€18,000. Madankollu jirriżulta li din il-vaganza – bħas-soltu f’lukandi mill-aqwa u mill-aktar lussużi – kellha titħassar minħabba li f’Kastilja hemm min qiegħed jibża’ li minn mument għall-ieħor jista’ joħroġ ir-rapport tal-Inkjesta Maġisterjali u jista’ jkun hemm il-possibbiltà li jinħareġ tagħrif importanti dwar il-kont sigriet sa issa allegatament f’isem is-Sinjura Muscat.

Dawk li tkellmu ma’ il-mument komplew jgħidulna li internament fil-Partit Laburista hemm tħassib dwar dan ix-xenarju kollu għaliex safejn jiftakru huma, l-ebda Leader ieħor tal-Partit ma kien jgħix din it-tip ta’ ħajja lussuża b’safar u bi tgawdija f’lukandi lussużi.

Infiq iżjed minn dħul dikjarat

Meta wieħed jara d-dħul ta’ Joseph Muscat bħala Prim Ministru skont kif dikjarat fid-dikjarazzjoni tal-assi li ssottometta fil-Parlament, mill-ewwel jibdew iqumu d-dubji. Dan għaliex fl-2014, wara l-ewwel sena sħiħa tiegħu bħala Prim Ministru, Joseph Muscat kien iddikjara salarju ta’ €52,000 fil-formola tat-taxxa, iżda meta daħħal id-dikjarazzjoni tal-assi tiegħu għand l-Ispeaker hu ddikjara  salarju ta’ €64,847. Minn fejn ġiet id-differenza?

Din il-ġimgħa fil-Parlament reġgħu ddaħħlu d-dikjarazzjonijiet tal-assi tal-Ministri u l-Prim Ministru kiteb ‘salarju Prim Ministru’ fil-parti fejn suppost jindika kemm jaqla’. Is-sorsi fil-Partit Laburista jsostnu li Muscat irid jevita li jitkellem dwar ċifri biex ma jqumux mistoqsijiet li jqabblu d-dħul tiegħu mal-infiq li tagħmel il-familja.

Fost il-kalkoli li qed isiru hemm il-miżata ta’ ċirka €3,000 f’kull semestru għaż-żewġt itfal fi skola privata. Dan jilħaq it-€8,000 fis-sena meta tgħodd kollox inklużi l-ispejjeż kollha li jmissu mal-iskola.

Sadattant, il-Prim Ministru baqa’ għaddej bit-tisbiħ tad-dar familjari fejn il-ġimgħa li għaddiet akkwista permess ieħor biex ikompli jkabbar u jsebbaħ daru. Mhux magħruf kemm se jiswew ix-xogħlijiet u minn fejn eżattament se jitħallsu.

Ma jridux jidhru qed jonfqu

Dwar il-vaganza ppjanata f’Dubaj li tħassret, is-sorsi ta’ il-mument qalulna li minflok kienet irranġata oħra… din id-darba fl-Awstralja fejn il-Prim Ministru Joseph Muscat mar flimkien mal-familja… mas-Sinjura Muscat u mat-tfal. Ma hux magħruf jekk fl-Awstralja l-koppja Muscat ħaditx ukoll lin-nanny tal-familja. Din ġiet deskritta mid-Dipartiment tal-Informazzjoni bħala ‘ħidma politika’ iżda kif fisser tajjeb is-sit LovinMalta kienet fil-fatt vaganza li għaliha kellhom jinħarġu minimu ta’ €10,500 minn but il-Prim Ministru.

Mistoqsi minn NETNEWS dwar din il-vaganza fl-Awstralja, il-Prim Ministru nnifsu qal li l-Gvern ħallas l-ispejjeż kollha tiegħu u tas-Sinjura Muscat waqt li hu ħallas personalment għall-ispejjeż tat-tfal, u jekk marret in-nanny. Dawn kienu jinkludu, iżda mhux biss, il-biljetti tal-ajruplan, l-alloġġ, trasport, ikel u xorb, mawriet kulturali kif ukoll spejjeż għal infiq fix-shopping malls għal ħwejjeġ u oġġetti tad-ditta.

Ta’ min wieħed ifakkar li l-aħħar darba li mar Dubaj fuq btala, il-Prim Ministru u l-familja tiegħu qagħdu fl-iżjed resort lussuż ta’ Dubaj u ħallas bil-credit card tiegħu kont ta’ €12,000 għall-akkomodazzjoni biss.

Dak iż-żmien kienet qamet il-kontroversja dwar min ħallas għal dik il-btala. Waqt li l-Uffiċċju tal-Prim Ministru kien ipprovda riċevuta li turi li ħallas bil-credit card tiegħu, Joseph Muscat qatt ma pproduċa bank statement biex jiġi ċċarat minn fejn ġew dawk il-flus fil-credit card u kif tħallsu lura. Il-bank m’għandu l-ebda dritt li jippubblika statement tal-finanzi tal-Prim Ministru iżda xejn ma jżomm lil Joseph Muscat milli jagħmel dan minn jeddu – ħaġa li m’għamel qatt. Lanqas ma pproduċa audit indipendenti fuqu nnifsu minkejja l-kritika kollha li ilha ssir dwar il-flejjes personali ta’ Joseph Muscat u minn fejn ġejjin.

Kampanja fil-PL biex iħammġu lill-‘filjozza’

Żgur li fi ħdan il-Partit Laburista hemm min qed jaħtaf l-opportunità biex iqajjem dawn il-mistoqsijiet b’rabta mal-kandidat preferut ta’ Joseph Muscat biex tieħu t-tmexxija tal-partit. Din qed titqies bħala opportunità biex lil Miriam Dalli jagħtuha gambetta qabel jitlaq Muscat is-sena d-dieħla billi jassoċċjawha ma’ Prim Ministru li la għandu kontroll fuq l-infiq personali tiegħu, iżda wisq iżjed ma jistax jispjega minn fejn ġejjin il-flus.

Fil-mira tagħhom hemm il-ħajja tas-Sinjura Muscat. Hemm min qed irewwaħ il-mistoqsija: Min qiegħed iħallas għall-ħwejjeġ lussużi u għall-ġojjellerija tal-mara tal-Prim Ministru? X’inhi r-raġuni għal xiex qed tkun ħafna ma’ disinjaturi u importaturi partikolari ta’ ħwejjeġ lussużi? Veru li qed tipparteċipa f’festini barra minn Malta ma’ msieħba oħra fil-qasam tal-moda? X’relazzjoni teżisti mat-tifla tal-mexxej tal-Azerbajġan li isimha wkoll kien fil-Panama Papers u li jinsabu akkużati b’korruzzjoni u misapproprjazzjoni ta’ fondi pubbliċi tal-pajjiż?