Lokali

FL-MCAST: Bla riżultati 4 xhur wara l-eżamijiet u xahar qabel ir-resits

Erba’ xhur wara li l-istudenti tal-Istitut tal-MCAST tal-Business Management u l-Kummerċ qagħdu għall-eżamijiet, sat-Tlieta filgodu kienu għadhom ma rċivewx ir-riżultati tagħhom.

Is-sitwazzjoni saret waħda inkwetanti ħafna hekk kif ir-resits tal-istess eżamijiet huma skedati għax-xahar id-dieħel. Dan ifisser li min sar jaf li m’għaddiex mill-eżami, kellu inqas minn xahar biex jipprepara għar-resits.

L-istorja kienet ikkonfermata mid-direttur tal-istess Istitut, li f’kummenti lil The Insiter talab skuża u wiegħed lil dawn l-istudenti affettwati li s-sitwazzjoni se tiġi rimedjata fl-immedjat.

Fil-kummenti tiegħu ma’ dan is-sit immexxi minn għaqda indipendenti tal-midja fi ħdan l-Università ta’ Malta, qal li għaddejja ħidma minn koordinaturi vokazzjonali u uffiċjali oħra biex isiru mill-iktar fis possibbli xi korrezzjonijiet oħra li għadhom pendenti.

Dan minbarra li saru modifiċi fis-sistemà biex din is-sitwazzjoni ma tirrepetix ruħha. Fost dawn, il-letturi se jitħallew jibdew jibagħtu r-riżultati lill-istudenti ladarba dawn ikunu verifikati internament.

B’hekk se titnaqqas il-burokrazija u l-ħin biex ir-riżultati l-ewwel jgħaddu għand l-amminisrazzjoni qabel jgħaddu għand l-istudenti.

Minkejja dan, l-istudenti affettwati lmentaw fi gruppi fuq Facebook li ma ngħatawx rimedju u li anke jekk ir-riżultati tagħhom joħorġu fl-immedjat, xorta waħda fadlilhom żmien limitat biex jippreparaw għar-resits.