Futbol Sport TAZZA TAD-DINJA 2018

Il-President tal-UEFA inkwetat dwar l-użu tal-VAR fit-Tazza tad-Dinja

Aleksander Ceferin jittama li ma jkunx hemm problemi fit-Tazza tad-Dinja

Il-President tal-UEFA Aleksander Ceferin esprima t-tħassib tiegħu dwar id-deċiżjoni li tiddaħħal is-sistema tal-video replay (magħrufa aħjar bħala l-VAR) fit-Tazza tad-Dinja, fejn qal li t-teknoloġija għad irid ikollha aktar testijiet qabel ma tista’ tkun ikkunsidrata biex tintuża fiċ-Champions League.

F’Marzu li għadda l-FIFA vvutat favur li tidħol il-VAR fit-tournament li se jsir fir-Russja, ġimagħtejn biss wara li l-użu kien approvat mill-IFAB, l-organizzazzjoni responsabbli mill-bidliet fir-regoli.

“Għandi ftit biża’ mit-Tazza tad-Dinja, fejn se jkun hemm referees li qatt ma kkontrollaw logħbiet bil-VAR. Nittama li ma jkunx hemm skandli u problemi,” qal Ceferin lill-gazzetta Taljana La Gazzetta dello Sport.

Ceferin qal diġà li l-VAR mhux se tintuża fiċ-Champions League l-istaġun li ġej. Din is-sistema qed tintuża bħalissa fil-kampjonat Taljan tas-Serie A, fil-Bundesliga u fil-Primeira Liga fil-Portugall minn dan l-istaġun.

L-IFAB qed tinsisti li l-VAR naqset l-iżbalji tar-referees iżda l-kritiċi qalu li kien hemm konfużjoni f’numru ta’ logħbiet. Gowls tħassru diversi minuti wara li kienu skorjat, bit-timijiet jistennew biex jerġgħu jibdew jilagħbu filwaqt li penalties tħassru meta l-ballun kien diġà lest biex jingħata. Kritika oħra li qed issir hi li l-ispettaturi mhux qed ikunu infurmati b’dak li qed jiġri.