Wara l-assassinji ta’ Daphne Caruana Galizia f’Malta u Jan Kuciak fis-Slovakja, l-Parlament Ewropew qed isejjaħ għal aktar miżuri biex jiproteġu l-ġurnalisti fl-Ewropa.
F’riżoluzzjoni b’saħħitha dwar il-protezzjoni tal-media ħielsa, li ġiet innegozjata minn Roberta Metsola f’isem il-Grupp tal-Partit Popolari Ewropew, li iżda ngħatat l-appoġġ mill-gruppi politiċi kollha, l-Parlament Ewropew tkellem dwar l-importanza li l-ġurnaliżmu indipendenti jkun mogħti l-appoġġ mill-Unjoni Ewropea, biex dan ikun jista’ jibqa’ jżomm id-demokraziji b’saħħithom.
“L-assissinji koroh ta’ Daphne Caruana Galizia u Jan Kuciak wrewna kemm għad baqa’ xogħol xi jsir biex nissalvagwardjaw il-ġurnaliżmu fl-Ewropa. Qed niprovaw nindirizzaw theddid differenti li jsir fuq il-media ħielsa, kemm dak finanzjarju, dak intimadatorju u anke t-theddid fuq is-sigurtà tal-ġurnalisti. Għalhekk introduċejna l-idea ta’ finanzjament tal-Unjoni Ewropea għall-ġurnaliżmu indipendenti, kif ukoll tkellimna dwar liġi kontra l-iSLAPP. Il-ġurnaliżmu hu kruċjali għal kull demokrazija, u aħna rridu nwieġbu għal dak li qed jgħidulna l-ġurnalisti u l-kmamar tal-aħbarijiet,” qalet l-MEP Roberta Metsola.
Ir-riżoluzzjoni titkellem dwar il-ħtieġa ta’ liġi Ewropea kontra l-iSLAPP, u li jkun hemm protezzjoni għall-whistleblowers, speċjalment wara li korporazzjonijiet multinazzjonali, li jinkludu l-Pilatus Bank, bdew kampanji kontra kmamar tal-aħbarijiet Maltin, kif ukoll whistleblowers, li kienu qed jikxfu r-rabta bejn il-kampanji ta’ intimidazzjoni u korruzzjoni flimkien mal-flus maħmuġin.
“M’aħna se naċċettaw qatt l-intimidazzjoni tal-media hu l-whistleblowers. Qatt. Il-media hi pilastru fundamentali għad-demokrazija u biex nassiguraw is-saltna tad-dritt, u għalhekk irridu niproteġuha. Hu għalhekk ukoll li qed nagħmlu pressjoni kbira biex ikun hemm regoli kontra l-iSLAPP malajr kemm jista’ jkun. Dan minbarra l-fatt li qed ninsistu wkoll għall-protezzjoni Ewropea għall-whistleblowers. Dawk li qed jesponu l-kriminalità, kemm jekk huma whistleblowers kif ukoll ġurnalisti, qatt m’għandhom jispiċċaw fil-mira,” żiedet tgħid Roberta Metsola.
Kruċjalment, ir-riżoluzzjoni tinsisti għal darb’oħra, għal mekkaniżmu Ewropew dwar is-saltna tad-dritt, li jpoġġi lil kull Stat Membru fuq l-istess livell ta’ skrutinju, xi ħaġa li l-MEP Roberta Metsola ilha tinsisti dwarha għal numru ta’ xhur.
“L-akbar unur li nistgħu nagħtu lill-ġurnalisti maqtula, bħal Daphne Caruana Galizia u Jan Kuciak, hu li niproteġu dak li ddedikaw ħajjithom għalih, u li nassiguraw li qatt aktar ma nħallu l-kultura ta’ impunità twassal għall-qtil tal-ġurnalisti,” qalet Roberta Metsola.
Il-vot fuq ir-riżoluzzjoni se jittieħed il-Ħamis f’nofsinhar.
//= $special ?>