Lokali

Tindif f’okkazzjoni ta’ Jum id-Dinja

Għat-48 sena konsekuttiva illum mal-biljun persuna fakkru Jum id-Dinja, jew hekk kif inhi magħrufa aħjar bħala Earth Day.

Dan hekk kif in-Nazzjonijiet Uniti ddedikaw it-22 ta’ April għal ġid tal-pjaneta. Għadd ta’ nies minn madwar id-dinja u numru ta’ għaqdiet volontarji jiddedikaw dan il-jum sabiex iħawlu pjanti ġodda u jnaddfu l-ambjent ta’ madwarna.

F’Malta saret ukoll ħidma ta’tindif, kemm fuq l-art kif ukoll fl-ixtajiet – hekk kif sar tindif akwatiku f’Wied iż-Żurrieq, tas-Sliema fl-inħawi tal-Exiles, fil-Belt Valletta fiż-żona magħrufa bħala tal-Mawri, kif ukoll fiż-żona taż-Żonqor bejn Wied il-Għajn u x-Xgħajra u fix-Xlendi, Għawdex.

Sar ukoll tindif fl-ixtajta ta’ Buġibba, hekk kif jixhdu l-filmati miġbuda minn Raniero Borg waqt il-clean up day tal-organizzazzjoni Atlam.

Fost l-iskart li nġabar minn Buġibba biss nsibu 3 skips tal-kostruzzjoni mimljin skart fosthom, mal-20 tyre kemmxejn imdaqsin u żewġt islielem.