Futbol Sport

FUTBOL: Salah ivvutat l-aqwa plejer tal-Premiership

Mohamed Salah

L-attakkant Eġizzjan ta’ Liverpool Mohamed Salah ġie vvutat l-aqwa plejer tal-Premiership Ingliż hekk kif għeleb l-isfida tal-midfielder ta’ Manchester City Kevin De Bruyne u l-attakkant ta’ Tottenham Harry Kane.

Salah ilu biss staġun wieħed jilgħab fil-Premiership wara li s-sajf li għadda ħalla lil Roma biex ingħaqad ma’ Liverpool għas-somma ta’ 42 miljun ewro u minn dakinhar ‘l hawn impressjona lil kulħadd bil-wirjiet tiegħu kemm fil-kampjonat kif ukoll fiċ-Champions League hekk kif Liverpool jinsabu fis-semifinali.

S’issa hu skurja 31 gowl f’33 logħba tal-Premiership biex b’hekk laħaq ir-rekord tal-aktar gowls skurjati sa minn meta l-kampjonat sar jintlagħab fuq 38 partita. Hu laħaq ir-rekord ta’ tliet plejers li kienu skurjaw l-istess ammont ta’ gowls fil-passat (Alan Shearer 1996-96, Cristiano Ronaldo 2007-08, Luis Suarez 2007-08).

Salah jista’ jikser dan ir-rekord għax Liverpool fadlilhom jilagħbu tliet logħbiet sa tmiem il-kampjonat (kontra Chelsea, Stoke u Birghton).

Salah sar is-seba’ player tar-Reds li rebaħ dan l-unur u l-ewwel wieħed sa minn meta rebħu Luis Suarez, fl-2014. Barra minn hekk Salah sar l-ewwel player Eġizzjan li rebaħ dan l-unur.

Tajjeb wieħed jiftakar ukoll li Salah, dan ix-xahar, sar anke l-ewwel plejer fl-istorja tal-Premiership li qatt rebaħ l-unur tal-aqwa plejer tax-xahar għal tliet darbiet.

B’kollox, sa issa, Salah skurja 41 gowl għal Liverpool dan l-istaġun u għada jkun impenjat fl-ewwel leg tas-semifinali taċ-Champions League kontra Roma.

Fit-tieni post temm De Bruyne li dan l-istaġun mhux se jibqa’ idu vojta wara li Man City rebħu l-kampjonat. Barra minn hekk dan ingħata l-unur tal-aqwa Playmaker, unur li jingħata lil dak il-plejer li jipprovdi l-aktar assists.

Tajjeb wieħed jinnota li jkunu l-plejers stess li jivvutaw lil xulxin fl-għażla ta’ dan l-unur.

Leroy Sane ta’ Manchester City ġie vvutat bħala l-Aqwa Plejer Żagħżugħ tal-kampjonat. Sane kien wieħed mill-aktar plejers strumentali fis-suċċess li kisbu s-Citizens.