Lokali

STATISTIKA TAL-EUROSTAT: Malta l-agħar fl-immaniġġjar tal-iskart

Pajjiżna jinsab fl-aħħar post minn fost l-istati membri tal-Unjoni Ewropea f’dak li għandu x’jaqsam mal-immaniġġjar tal-iskart.

L-istatistika, ippubblikata mill-Eurostat b’informazzjoni miġbura fl-2016, turi li 8% biss tal-iskart ta’ pajjiżna jiġi riċiklat jew inkella jintuża bħala kompost. Il-kumplament qed jintrema’ fil-landfill tal-Magħtab.

L-istess statistika turi wkoll li pajjiżna hu fit-tieni post f’dak li għandu x’jaqsam mal-ammont iskart prodott minn kull persuna hekk kif kull ċittadin jiġġenera 647 kilo ta’ skart fis-sena.

Minkejja li d-Danimarka tegħlibna f’dan, b’777 kilogramma ta’ skart prodott minn kull ċittadin fis-sena, l-impatt ambjentali ta’ dan il-pajjiż hu ferm inqas minn dak f’pajjiżna. Dan għaliex fid-danimarka, hu biss 1% tal-iskart li jintrema’ f’landfills.

Jekk kollox jibqa’ għaddej b’din ir-rata, il-landfill tal-Magħtab se tilħaq il-kapaċita massima tagħha fi żmien sentejn, filwaqt li pajjiżna hu ferm bogħod milli jilħaq il-miri tal-Unjoni Ewropea.

Bil-Gvern li jidher li qata’ qalbu li jilħaq dawn il-miri u tilef il-kontroll tal-immaniġġjar tal-iskart f’pajjiżna, is-soluzzjoni jidher li saret biss il-bini ta’ inċineratur fil-Magħtab.

Madankollu dwar dan il-proġett ma saret l-ebda konsultazzjoni, inkluż mal-Kunsill Lokali tan-Naxxar li ġie njorat għalkollox.

Il-Kunsill Lokali wera din il-preokkupazzjoni permezz ta’ mozzjoni li tressqet mis-Sindku AnneMarie Muscat Fenech Adami u ssekondata mill-Kunsilliera Marianne Cuomo, responsabbli mill-qasam Ambjentali waqt laqgħa li nżammet b’mozzjoni ġiet approvata mill-Kunsill Lokali xi ġimgħat ilu.

Wara pressjoni mill-Oppożizzjoni, sar magħruf ukoll li l-Gvern għandu l-intenzjoni li jiżviluppa dan l-inċeneratur li se jkun saħansitra, qiegħed jaħraq ukoll il-plastik b’detriment għar-residenti tal-inħawi, li huma wkoll kienu totalment esklużi minn kull tip ta’ konsultazzjoni.

Fost il-preokkupazzjoni tar-resident hemm ukoll l-aspett tal-valur tal-proprjetà, fejn appena l-Gvern jimbarka fuq l-iżvilupp ta’ dan l-inċeneratur – li qed jingħad li jrid jitlesta sal-2023 – allura l-proprjetà u l-investimenti tagħhom fl-inħawi se jitilfu ħafna mill-valur tagħhom.