Futbol Sport

Champions League: Liverpool jilqgħu lil Roma f’Anfield u Real Madrid jilagħbu l-Ġermanja kontra Bayern Munich

Illejla tintlagħab l-ewwel leg tas-semifinali taċ-Champions League hekk kif Liverpool jilqgħu lil Roma f’Anfield. Din il-logħba Il-logħba żgur li tfakkar lil ħafna fil-finali tat-Tazza taċ-Champions tal-1984 meta dakinhar fl-Olimpico Liverpool rebħu 4-2 bil-penalties wara li l-konfront intemm fi draw ta’ 1-1.

Il-finali ta’ dakinhar kienet waħda minn ħames darbiet li dawn iż-żewġ timijiet lagħbu kontra xulxin f’kompetizzjonijiet Ewropej. Minn ħames partiti Liverpool rebħu tnejn filwaqt li Roma rebħu darba u ż-żewġ logħbiet l-oħra spiċċaw fi draw.

L-aktar konfront kompetittiv riċenti bejn Roma u Liverpool imur lura għall-istaġun 2001-02 meta dakinhar dawn lagħbu darbtejn xulxin fil-fażi tal-gruppi taċ-Champions League. Roma kienu kisbu draw 0-0 fl-Olimpico filwaqt li f’Anfield Liverpool kienu rebħu 2-0. Fl-2016 Roma kienu għelbu lil Livepool 2-1 f’partita ta’ ħbiberija.

Bla dubju l-akbar theddida għal Roma se jkun proprju l-eksplejer tagħhom Mohamed Salah li jinsab f’forma mill-aqwa.

Wieħed jista’ jgħid li fuq il-karta Liverpool jibdew favoriti li jgħaddu għall-finali imma Roma urew dak li kapaċi jagħmlu meta fil-kwarti tal-finali wettqu dak li deher impossibbli u eliminaw lil Barcelona, anke jekk fl-ewwel leg kienu tilfu 4-1.

Fit-tieni leg fl-Olimpico kellhom wirja mill-aqwa u rebħu 3-0 biex ġabu fix-xejn lill-ġganti Spanjoli.

Minn naħa tagħhom anke Liverpool, fil-fażi preċedenti eliminaw lil Manchester City, tim li fuq il-karta deher il-favorit li jgħaddi. Ir-Reds għelbu lil Manchester City 3-0 f’Anfield u fit-tieni leg reġgħu rebħu 2-1.

Hekk kif telgħet il-polza tas-semifinali tkellem il-kowċ ta’ Liverpool Jurgen Klopp qal li jkun żball kbir jekk wieħed jaħseb li Liverpool għandhom polza mhux daqstant diffiċli jkun żbaljat, speċjalment wara li għamlu Roma kontra l-liders tal-La Liga ftit ġimgħat ilu.

Fi tmiem il-ġimgħa Roma rebħu 3-0 fil-kampjonat kontra SPAL filwaqt li Liverpool tilfu vantaġġ ta’ żewġ gowls biex ġew miżmuma draw 2-2 kontra WBA.

It-tieni leg ta’ din il-partita tintlagħab fit-2 ta’ Mejju.

 

Jerġgħu jiltaqgħu sena wara

Wara li sena ilu kienu ltaqgħu fil-fażi tal-kwarti tal-finali, għada Bayern Munich u l-holders Real Madrid jerġgħu jilagħu kontra xulxin, din id-darba fis-semifinali.

Fl-istaġun li għadda Real kienu għaddew b’aggregate ta’ 6-3 biex baqgħu sejrin sal-finali, finali li rebħu f’Cardiff kontra Juventus.

Real Madrid u Bayern iltaqgħu 24 darba kontra xulxin f’kompetizzjonijiet Ewropej. Hemm bilanċ assolut bejniethom hekk kif it-tnejn li huma rebħu 11-il logħba kull wieħed u ġew draw darbtejn.

Fil-fatt, il-konfront bejn Bayern Munich u Real Madrid hu l-aktar wieħed li qatt intlagħab ta’ spiss f’kompetizzjonijiet tal-UEFA.

Is-semifinali tal-lejla se tkun is-seba’ semifinali bejniethom it-tnejn fejn s’issa Bayern għaddew erba’ darbiet u Real Madrid għaddew darbtejn.

Bla dubju Bayern iridu jkunu ferm attenti minn Cristiano Ronaldo, plejer li fl-aħħar tliet darbiet li lagħab kontrihom sab ix-xibka seba’ darbiet. F’sitt darbiet li lagħab kontra Bayern skurja disa’ gowls.

Ronaldo jinsab għaddej f’forma mill-aqwa u dan l-istaġun reġa’ waqqaf rekord ieħor f’din il-kompetizzjoni.

Dan l-istaġun skurja f’kull logħba taċ-Champions League biex sar l-ewwel plejer fl-istorja li skurja fi 11-il logħba konsekuttiva fiċ-Champions League, bil-finali tal-istaġun li għadda nkluża.
Bayern Munich se jkollhom lill-midfielder Vidal nieqes minħabba li dan għadu kemm ġie operat f’irkopptu.

Bayern Munich għandhom l-attenzjoni kollha fuq din il-kompetizzjoni wara li ftit ġimgħat ilu aċċertaw mir-rebħ tal-kampjonat filwaqt li Real Madrid jinsabu kważi ċert li mhux se jirbħu l-kampjonat u l-attenzjoni kollha tagħhom hi fuq iċ-Champions League hekk kif dawn qed jippruvaw jirbħuha għat-tielet sena konsekuttiva.

Fi tmiem il-ġimgħa Bayern Munich rebħu 3-0 kontra Hannover filwaqt li Real Madrid ġew draw 1-1 kontra Athletic Bilbao.

It-tieni leg ta’ din il-partita tintlagħab fl-1 ta’ Mejju.