Lokali

Il-Maltin qed jitilfu għexieren ta’ miljuni ta’ ewro fis-sena mill-ftehim tax-xiri tal-enerġija mill-Ażerbajġan

Miljuni ta' ewro kull sena mitlufa minn but il-poplu mill-ftehim li l-Gvern Malti ffirma mal-Ażerbajġan.

Dettalji ġodda żvelati mill-konsorzju ta’ ġurnalisti internazzjonali, bħala parti minn ‘The Daphne Project’, jikkonfermaw li pajjiżna qed jitlef għexieren ta’ miljuni ta’ ewro kull sena mill-ftehim li l-Gvern Malti ffirma mal-Ażerbajġan.

Dan hu kkonfermat minn dokumenti fil-pussess tal-konsorzju internazzjonali tal-ġurnalisti, li ġew analizzati wkoll minn tliet esperti tal-enerġija bbażati f’Londra. Fost l-informazzjoni f’dawn id-dokumenti, wieħed isib ukoll il-prezzijiet tal-ftehim kif ukoll il-kuntratti li s’issa l-Gvern Laburista dejjem irrifjuta li jippubblika.

Minn din l-informazzjoni, li għaddiet mingħand whistleblower l-ewwel għand il-ġurnalista assassinata Daphne Caruana Galizia u eventwalment għand il-konsorzju ta’ ġurnalisti wara mewtha, joħroġ biċ-ċar li l-poplu Malti qed jitlef għexieren ta’ miljuni fi żmien qasir.

Biss biss, l-informazzjoni turi kif Malta s’issa ħallset €131.6 miljun għall-gass użat fil-powerstation. Dan ifisser li l-poplu Malti u Għawdxi qed iħallas id-doppju tal-prezz fis-suq.

Il-ftehim għax-xiri tal-gass mingħand il-kumpanija tal-Ażerbajġan, is-Socar, ġie ffirmat fl-2015. Ftehim li l-Gvern dejjem żamm moħbi, bid-dettalji tal-prezzijiet jibqgħu mistura minkejja pressjoni kontinwa fil-Parlament biex jippubblika ċ-ċifri.

Uffiċjal tas-SOCAR jikkonferma li tkellem mal-Ministru Konrad Mizzi.

Simon Pirani, espert u riċerkatur fi ħdan l-Oxford Institute for Energy Studies, iddikjara ma’ The Daphne Project li kieku kien ċittadin Malti, kien ikun irid ikun jaf għaliex intlaħaq ftehim bħal dan.”

Fid-dawl ta’ dan, il-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia staqsa min gawda mill-$40 miljun li f’sena waħda biss tilef pajjiżna minn dan il-ftehim.

The Guardian, il-ġurnal awtorevoliIingliż li wkoll jifforma parti minn The Daphne Project, jiżvela wkoll li l-għażla tal-konsorzju Electrogas, li bena u jmexxi l-powerstation ġdida li taħdem bil-gass, saret fost l-oħrajn minn Nexia BT.

Din il-kumpanija, li toffri servizzi finanzjarji lil Keith Schembri u Konrad Mizzi, kellha lis-sid tagħha Brian Tonna bħala parti mill-bord tal-għażla tal-Enemalta kif ukoll tliet impjegati oħra, hi wkoll l-istess kumpanija li fetħet kumpaniji sigrieti fil-Panama għal Konrad Mizzi u Keith Schembri.

F’dokument ieħor ġdid li nkixef illum, Brian Tonna jirreferi għal Keith Schembri bħala l-ħabib u klijent tiegħu. Il-Gvern hawn ukoll ilu xhur jirreżisti talbiet biex jippubblika l-ismijiet tal-membri li jiffurmaw parti mill-bord tal-għażla.

Dokument jikxef kif Nexia BT kellha erba’ impjegati fil-bord tal-għażla.