Lokali

FILMATI: L-SDM tirbaħ mill-ġdid l-elezzjoni tal-KSU; l-ogħla ‘turnout’ li qatt ġiet reġistrata

SDM: kważi 60%
Pulse: ftit aktar minn 40%
Il-11-il rappreżentant eletti huma mill-SDM

L-għaqda Studenti Demokristjani Maltin (SDM) għal darb’oħra reġgħet ingħatat il-fiduċja tal-istudenti Universitarji biex ir-rappreżentanti tal-għaqda jirrappreżentawhom fil-Kunsill Studenti Universitarji (KSU).

Din l-elezzjoni rat ‘turnout’ rekord ta’ 50%, hekk kif għall-ewwel darba ntużat is-sistema tal-‘online voting’, li għamlitha eħfef għall-istudenti biex jivvutaw. Normalment, it-‘turnout’ tkun ta’ madwar 10% jew 20%.

L-SDM kisbet il-fiduċja ta’ kważi 60 fil-mija tal-istudenti, filwaqt li l-għaqda Soċjalista Pulse kisbet ftit aktar minn 40 fil-mija tal-voti. Barra minhekk, il-KSU se jkun iffurmat mill-11-il rappreżentant tal-SDM.

Eliġibbli għal din l-elezzjoni kien hemm l-istudenti li jattendu xi kors fl-Università ta’ Malta, fil-Junior College u l-Iskola Medika.

Dan ir-riżultat juri l-fiduċja tal-istudenti fl-għaqda SDM, li matul it-terminu li għadda offra dak li jixraq lill-istudent. Kien għalhekk li t-tema “Li jixraq lilek” akkumpanja lill-11-il Kandidat tal-għaqda studenteska matul il-kampanja elettorali, li wasslet għar-riżultat tal-lum.

Din ir-rebħa konvinċenti għall-SDM ukoll waslet minkejja l-involviment dirett li l-magna tal-Partit Laburista kellha f’parti sostanzjali mill-kampanja elettorali tal-Pulse.

Tant hu hekk, li fl-aħħar jiem, l-istazzjon televiżiv tal-Partit Laburista kien strumentali fit-tentattiv li jixxandar il-messaġġ tal-Pulse, minkejja li din l-elezzjoni suppost ma tinkludix involviment politiku.

Ir-relazzjoni bejn il-media Laburista u l-Pulse wasslet għall-kundanna ta’ ħafna mill-istudenti, li fissru din il-mossa bħala waħda ta’ paniku għall-għaqda Soċjalista, tant li kellha tintalab l-għajnuna diretta mill-esponenti tal-Partit Laburista.