Futbol Sport

France Football b’apoloġija għal Iniesta għax qatt ma tawh il-Ballun tad-Deheb

Andres Iniesta

Il-ġurnal sportiv ‘France Football’ talab apoloġija lill-midfielder ta’ Barcelona Andres Iniesta minħabba li qatt ma onorah bl-unur tal-Ballun tad-Deheb.

Dan il-ġurnal ilu jagħti dan l-unur sa mill-1956 fejn il-ġurnalisti, kull sena, jivvutaw għall-aqwa plejer fid-dinja u f’dawn l-aħħar snin kienu Lionel Messi ta’ Barcelona u Cristiano Ronaldo ta’ Real Madrid li rebħu dan l-unur.

L-aħħar darba li wieħed minn dawn it-tnejn naqas milli jirbaħ dan l-unur kien fl-2007 meta dakinhar kien Kaka li rebaħ l-unur. L-aktar darba li Iniesta kien viċin li jirbaħ il-Ballun tad-Deheb kien meta spiċċa fit-tieni post fl-2010 wara li kien għen lil Spanja tirbaħ it-Tazza tad-Dinja fl-Afrika t’Isfel.

F’dik is-sena kien Messi li rebaħ l-unur filwaqt li fit-tielet post kien spiċċa plejer ieħor ta’ Barcelona, Xavi. Fl-2012 kien temm fit-tielet post wara Messi u Ronaldo rispettivament.

L-ittra tal-editur ta’ France Football b’apoloġija lil Iniesta

F’ittra twila tal-editur tal-ġurnal France Football, Pascal Ferre talab apoloġija lil dan il-midfielder bravu. “It-talent ta’ Iniesta hu li joħloq iċ-ċansijiet lil ħaddieħor bl-aktar mod sempliċi. Messi ma kienx jiskurja dawn il-gowls kollha matul il-karriera tiegħu li kieku ma kienx għal Iniesta. Il-fatt li Iniesta qatt ma rebaħ il-Ballun tad-Deheb imweġġagħni.”

Fatt interessanti hu li jiem ilu l-captain ta’ Real Madrid, Sergio Ramos tefa’ botta u qal, “Li kieku Iniesta kien jismu Andresinho kien jirbaħ minn tal-anqas darbtejn il-Ballun tad-Deheb.”

Iniesta mistenni jitlaq lil Barcelona fi tmiem dan l-istaġun hekk kif se jmur jilgħab iċ-Ċina. Hu mistenni jtemm il-karriera twila mal-Katalani billi jirbaħ il-kampjonat, ftit wara li ġimgħa ilu rebaħ anke t-Tazza tar-Re.

Iniesta, li għandu 33 sena hu prodott tal-akkademja ta’ Barcelona magħrufa bħala l-‘La Masia’ u mat-tim rebaħ diversi unuri fosthom tmien darbiet il-La Liga, sitt darbiet it-Tazza tar-Re, seba’ darbiet is-Super Cup Spanjola, erba’ darbiet iċ-Champions Leage, tliet darbiet il-UEFA Super Cup u tliet darbiet it-Tazza tad-Dinja tal-Klabbs.

Ma’ Spanja, minbarra t-Tazza tad-Dinja, rebaħ anke darbtejn il-Kampjonat Ewropew (2008 u 2012).