Lokali

L-Uffiċjali Olandiżi tal-Belt Kapitali tal-Kultura ma jibgħatux aktar rappreżentanzi lejn pajjiżna minħabba Jason Micallef

L-Uffiċjali tal-Belt Kapitali Ewropea tal-Kultura, li flimkien mal-Belt Valletta qed iġġorr dan it-titlu għall-2018, Leeuwarden fil-provinċja ta’ Friesland fl-Olanda, iddeċiedew li ma jibgħatux aktar rappreżentanti lejn pajjiżna sakemm it-tmexxija tal-V18 ma titbiegħedx mit-ton offensiv, partikolarment fil-konfront tal-Ġurnalista Daphne Caruana Galizia u qraba tagħha.

Fuq is-sit elettroniku tagħha, il-Fondazzjoni LF2018 qalet għall-istess raġuni, se tkun qed twaqqaf kwalunkwe invit għal attivitajiet bi sħab bejn iż-żewġ pajjiżi. Dan meta kull sena, fl-Unjoni Ewropea jintagħżlu żewġ kapitali ta’ reġjuni jew pajjiżi differenti biex jaħdmu flimkien fil-promozzjoni reċiproka.

Madankollu, it-tmexxija tal-LF2018 qalet li t-tmexxija tal-Valletta 2018 qed tippreżenta stampa ħażina lill-valuri li suppost jippromwovi l-kunċett tal-Belt Kapitali Ewropea tal-Kultura, bil-kummenti fuq il-media soċjali dwar il-Ġurnalista maqtula f’Ottubru li għadda.

L-istqarrija saret wara li ċ-Chairman tal-V18 Jason Micallef, magħżul direttament mill-Gvern Laburista, għamel diversi stqarrijiet biex jipprova jirredikola lil Daphne Caruana Galizia. Fost l-oħrajn, hu pprova jirredikola l-aħħar kelmiet tal-Ġurnalista meta abbinhom ma’ attività kummerċjali li x-xahar li għadda ttellgħet f’San Ġiljan.

Din l-attitudni wasslet għall-kundanna minn diversi entitajiet u individwi, fosthom minn numru ta’ artisti, li ppreżentaw petizzjoni lill-Prim Ministru nnifsu biex Jason Micallef jitneħħa mit-tmexxija tal-Fondazzjoni Valletta 2018.

U min-naħa tagħha, it-tmexxija tal-Fondazzjon LF2018 qalet li t-tmexxija tal-V18 ġiet infurmata b’din id-deċiżjoni għax temmen li l-ideoloġija wara l-Belt Kapitali Ewropea tal-Kultura m’għandhiex tittappan b’dan il-mod.

Sadanittant, f’kumment ieħor fil-jiem li għaddew, it-tmexxija tal-Fondazzjoni LF2018 diġà ddikjarat il-pożizzjoni kontra attakki fil-konfront ta’ artisti għax qalet li anke l-libertà fl-arti tifforma parti mid-demokrazija u l-libertà tal-bniedem.

Iżda Jason Micallef kien ikkritikat ukoll dwar dan wara li l-artisti li pparteċipaw fil-petizzjoni mgħoddija lill-Prim Ministru qalu li, f’diversi okkażjonijiet u pubblikament, Jason Micallef ipprova jwaqqa’ għaċ-ċajt u jattakka lill-artisti li kkritikaw jew ħolqu satira dwar dawk fil-poter.