Lokali

AĠĠORNATA: Se jħallu Malta għada filgħodu – 19-il siegħa wara l-ħin skedat oriġinarjament

Ikompli l-martirju għal għexieren ta’ passiġġieri abbord l-ajruplan ‘ġdid’ tal-Air Malta hekk kif wara li nqabdu fl-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta għal ħames sigħat u nofs, issa spiċċaw reġgħu lura lejn Malta.

Dan hekk kif għal xi raġuni, ftit ħin wara t-tluq minn Malta lejn Vienna, l-ajruplan għamel numru ta’ tidwir fl-ajru qabel irritorna lejn Malta mill-ġdid.

L-ajruplan bir-reġistrazzjoni 9H-AHS, li suppost kellu jopera t-titjira KM512 fl-16:35, hu l-aħħar ajruplan li żdied mal-flotta tal-Air Malta. Iżda jidher li bl-għaġġla biex jiddaħħal fil-flotta, dan ingħata lill-piloti b’affarijiet nieqsa.

Filfatt l-ALPA, l-assoċjazzjoni li tirrappreżenta lill-piloti, ordnat lill-piloti tagħha biex ma joperawx titjiriet b’dan l-ajruplan hekk kif tisħaq li l-ajruplan imur kontra l-ftehim kollettiv li ntlaħaq mal-linja nazzjonali tal-ajru fl-aħħar xhur.

Min-naħa tagħha l-Air Malta ppreżentat mandat ta’ inibizzjoni fil-konfront tal-Assoċjazzjoni tal-Bdot Maltin u ddikjarat li l-azzjoni industrijali, li wasslet biex it-titjira ma sseħħx fl-16:35, se tiswiha €180,000 fi spejjeż.

L-ordni tal-ALPA ġie sospiża temporanjament wara l-mandat ta’ inibizzjoni, liema sospensjoni wasslet biex l-ajruplan seta’ jħalli pajjiżna ftit qabel l-22:00. Mill-ewwel indikazzjoni jidher li l-problema li wasslet biex dan jirritorna lura kienet f’waħda mill-magni.

Dan wassal ukoll għal sensiela ta’ titjiriet oħra tal-Air Malta biex jiġu posposti, b’KM646 lejn Katanja li kellu jitlaq fis-13:35 iżda sal-ħin tal-artiklu (23:06) kien għadu f’Malta.

Issa nħolqot ukoll problema bl-ekwipaġġ hekk kif illejla m’hemmx disponibbli u allura t-titjira mistennija tħalli Malta fl-10:15 tas-Sibt filgħodu. Dan ifisser li jekk ma jerġa’ jinqala xejn, fl-aħħar dawk li jridu jmorru lejn Vienna jaslu hemm kważi 19-il siegħa wara l-ħin skedat oriġinarjament.