Lokali

“Ilna sigħat bla ikel u xorb għax il-ħwienet magħluqa” – Maltija maqbuda fl-ajruport ta’ Vienna

Il-Maltin maqbuda fi Vjenna, l-ewwel minħabba azzjoni tal-Assoċjazzjoni tal-Bdoti u issa minħabba ħsara f’magna tal-iktar ajruplan ‘ġdid’ u l-iktar riċenti li żdied fil-flotta tal-Air Malta, ilhom mill-17:30 jistennew x’se jsir minnhom.

Passiġġiera Maltija li kellha tirritorna f’pajjina llejla spjegat lil Net News kif ilhom maqbuda dan il-ħin kollu fl-ajruport ta’ Vjenna mingħajr ma jafu x’qed jiġri. “GĦandna l-lejl kollu hawn, mingħajr ma nistgħu nieklu jew nixorbu għaliex il-ħwienet kollha magħluqin.”

Is-sitwazzjoni tagħhom ma jidhirx li se tissolva malajr anke għaliex Net News hu nfurmat li issa nħolqot ukoll problema bl-ekwipaġġ hekk kif illejla m’hemmx disponibbli u allura t-titjira mistennija tħalli Malta fl-10:15 tas-Sibt filgħodu.

Dan ifisser li jekk ma jerġa’ jinqala xejn, fl-aħħar dawk li jridu jmorru lejn Vienna jaslu hemm kważi 19-il siegħa wara l-ħin skedat oriġinarjament.

Meta l-ALPA ssospendiet l-azzjoni industrijali u kollox deher li se jirritorna għan-normal, l-ajruplan ħalla Malta iżda fi ftit minuti kien lura minħabba emerġenza fl-ajru.

Mill-ewwel indikazzjoni jidher li l-problema li wasslet biex dan l-ajruplan jirritorna lura f’Malta kienet f’waħda mill-magni, minkejja li suppost dan l-ajruplan ġie rriklamat bħala wieħed ġdid.

L-aħbar tasal ftit sigħat wara li l-bdoti ddikjara li qed itiru fuq ajruplan li mhux konformi mal-ftehim kollettiv għax l-ajruplan għandu nuqqas tekniku. Sorsi ta’ Net News saħansitra qalu li d-dewmien oriġinali tal-lum ma kinitx minħabba l-azzjoni tal-piloti, imma minħabba l-ħsara teknika.

Wara delay ta’ ħames sigħat u nofs … ajruplan tal-Air Malta jdur lura f’nofs titjira