Edukazzjoni Lokali

Preżentati l-kandidati eletti fil-KSU

“Li jixraq lilek” mhux biss is-slogan użat mill-SDM għall-elezzjoni tal-Kunsill Studenti Universitarji, imma wkoll il-qofol tal-ħidma li trid tmexxi amministrazzjoni ġdida.

Kien dan il-messaġġ tal-President ġdida tal-KSU, Carla Galea, l-ewwel tfajla Għawdxija eletta f’din il-kariga, li appellat lill-istudenti kollha tal-Università ta’ Malta u l-Junior College biex javviċinawhom b’kull diffikultà li jaffaċċjaw.

Hi tkellmet ma’ Net News hekk kif ġie ppreżentat l-eżekuttiv ġdid tal-KSU, l-għada ta’ kisba storika għall-SDM, kif jispjega l-President Neil Smart Costantino.

L-idea li l-votazzjoni ssir onlaj daħlet fis-seħħ wara suġġeriment fil-Laqgħa Ġenerali Annwali tal-KSU, liema suġġeriment wasslet biex il-parteċipazzjoni f’din l-elezzjoni iktar minn irduppjat.

Minbarra 50% tal-istudenti li vvutaw, din l-elezzjoni rat ukoll il-parteċipazzjoni ta’ mijiet ta’ volontiera li assistew liż-żewġ għaqdiet rispettivi u l-kandidati indipendenti.