Lokali

ĦSARA FL-AJRUPLAN IL-ĠDID: Mistennija jaslu fl-4pm wara dewmien ta’ kważi 24 siegħa

Grupp ta’ passiġġieri li lbieraħ kellhom jaslu Malta b’titjira minn Vjenna, mistennija jaslu fl-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta għall-ħabta tal-4 ta’ waranofsinhar.

Il-grupp, fosthom numru mdaqqas ta’ Maltin, kellhom jivjaġġaw lejn Malta minn Vjenna bl-ajruplan il-ġdid tal-Air Malta, li ngħaqad mal-flotta tal-linja nazzjonali tal-ajru mhux aktar minn ġimgħa ilu.

Imma l-passiġġieri weħlu Vjenna wara li l-ajruplan ilbieraħ mhux talli telaq tard minn Malta, iżda talli kellu jdur lura nofs siegħa biss wara t-tluq.

Skont informazzjoni li għandu NET News, id-dewmien biex telaq l-ajruplan minn Malta hu dovut għal ħsara teknika li kellu l-ajruplan u mhux minħabba l-azzjoni industrijali ordnata lbieraħ mill-ALPA. Jidher ukoll li l-ajruplan kellu jdur lura minħabba ħsara teknika oħra li żviluppat nofs siegħa biss wara li l-ajruplan telaq minn Malta lejn Vjenna.

L-ajruplan, li dwaru kien hemm ħafna ftaħir meta ngħaqad mal-flotta ġimgħa ilu, kien mistenni li jitlaq minn Malta lejn Vjenna dalgħodu.

Sadanittant, il-passiġġieri li weħlu Vjenna ilmentaw li għal siegħat twal spiċċaw maqbuda mingħajr l-ebda informazzjoni dwar dak li kien qed jiġri. Ritratt mibgħut lil NET News juri l-konfużjoni li nħolqot f’lukanda fi Vjenna li fiha ttieħdu l-passiġġieri għall-ħabta tan-nofs siegħa ta’ filgħodu, jiġifieri siegħat wara li t-titjira kellha titlaq lejn Malta.

“Ilna sigħat bla ikel u xorb għax il-ħwienet magħluqa” – Maltija maqbuda fl-ajruport ta’ Vienna

AĠĠORNATA: Se jħallu Malta għada filgħodu – 19-il siegħa wara l-ħin skedat oriġinarjament