Internazzjonali

KOREA TA’ FUQ: Impenn għall-għeluq ta’ sit nukleari

Il-Korea ta’ Fuq qed taħseb biex ix-xahar id-dieħel tagħlaq is-sit fejn qed isiru l-provi nukleari. Dan qaluh kelliema qrib il-Presidenza tal-Korea t’Isfel u li spjegaw li l-għeluq tas-sit ta’ Punggye-ri għandu jsir bħala avveniment pubbliku li se jattendu għalih esperti minn pajjiżhom u l-Istati Uniti.

Ingħad li l-esperti barranin se jkunu l-mistiedna tal-Mexxej tal-Korea ta’ Fuq Kim Jong-un, iżda numru ta’ xjenzati qed isostnu li parti mis-sit partikulari setgħet ikkrollat f’Settembru li għadda.

Nhar il-Ġimgħa kien jum storiku għall-peniżola Koreana, meta Kim Jong-un u l-President tal-Korea t’Isfel, Moon Jae-in, kellhom summit kruċjali fejn qablu biex jimpenjaw ruħhom ħalli jeħelsu lill-istess peniżola mill-armamenti nukleari.

Ir-riżultati tas-summit nisslu arja ta’ sodisfazzjon  u l-President tal-Istati Uniti, Donald Trump sostna l-probabbiltà li hu jidħol f’taħditiet mat-Tmexxija tal-Korea ta’ Fuq fi kwistjoni ta’ ġimgħat.

Mistenni li t-taħditiet inkwistjoni jitrattaw b’urġenza d-denuklearizzazzjoni fil-peniżola Koreana.