Futbol Sport

FUTBOL: Unur ieħor għal Salah

Mohamed Salah

Ġimgħa wara li ġie vvutat mill-plejers stess bħala l-aqwa plejer tas-sena fil-Premiership, l-attakkant Eġizzjan ta’ Liverpool Mohamed Salah issa anke l-ġurnalisti għażluh bħala l-aqwa plejer tas-sena.

Għal darba oħra hu reġa’ għeleb l-isfida tal-midfielder ta’ Manchester City Kevin De Bruyne u l-attakkant ta’ Tottenham Harry Kane li spiċċaw fit-tieni u fit-tielet post rispettivament.

Madwar 400 ġurnalist ivvutaw u kienu biss 20 vot li firdu l-ewwel żewġ plejers. Il-Kap Eżekuttiv tal-għaqda tal-Ġurnalisti Patrick Barclay qal li din kienet l-aktar darba sa mill-1968 li l-għażla kienet waħda bilanċjata bejn żewġ plejers.

Filwaqt li De Bruyne għen lil Manchester City jirbħu l-kampjonat Salah impressjona bil-kbir fl-ewwel staġun tiegħu mar-Reds u s’issa skurja 31 gowl f’34 logħba tal-Premiership.

B’hekk laħaq ir-rekord tal-aktar gowls skurjati sa minn meta l-kampjonat sar jintlagħab fuq 38 partita.

Hu laħaq ir-rekord ta’ tliet plejers li kienu skurjaw l-istess ammont ta’ gowls fil-passat (Alan Shearer 1996-96, Cristiano Ronaldo 2007-08, Luis Suarez 2007-08).

Salah jista’ jikser dan ir-rekord għax Liverpool fadlilhom jilagħbu żewġ logħbiet sa tmiem il-kampjonat.
Barra minn hekk hu skurja 11-il gowl fi 13-il partita taċ-Champions League u għada jkun fl-azzjoni fit-tieni leg tas-semifinali kontra Roma.

Salah sar l-ewwel Afrikan li rebaħ dan l-unur li ilu jingħata mill-1984. Hu se jkun ippreżentat bit-trofew f’serata li se ssir fl-10 ta’ Mejju f’Londra.