Lokali

“Il-ħaddiema jixirqilhom pjan fit-tul sabiex jiġu indirizzati l-isfidi li qed jaffaċċjaw”- Adrian Delia

‘Il-politiku għandu jirrappreżenta lin-nies u wara konsultazzjoni jara fejn irid li jwassal l-pajjiz. Il-persuna u l-ħaddiem, dejjem se jkunu ċ-ċentru tal-politika għall-Partit Nazzjonalista.’, hekk qal il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia fid-diskors tal-għeluq ta’ business breakfastorganizzat mill-Partit Nazzjonalista fl-okkażjoni ta’ Jum il-Ħaddiem.

Dr Delia qal li f’Jum il-Ħaddiem irridu nidentifikaw l-isfidi veri li qed jaffaċċjaw il-ħaddiema Maltin u Għawdxin, dan sabiex infasslu futur flimkien li jkun aħjar għall-ħaddiema u l-familji tagħhom. Il-ħaddiema Maltin u Għawdxin qed jaffaċċjaw bosta sfidi ġodda minħabba nuqqas ta’ ippjanar fit-tul min-naħa tal-Gvern.

Adrian Delia qal li aħna pajjiż Mediterranju, b’nies spontanji u bl-identità tagħna u għalhekk irridu nippjanaw fit-tul ukoll sabiex nippreservaw dak li jagħmilna Maltin. Huwa qal li rridu nitgħallmu minn dawk li ġew qabilna u bħalhom naraw li jkollna pjan ekonomiku u soċjali.

Filwaqt li l-istatistika tal-Eurostat turi li l-ekonomija qed tikber, dan mhux qed jasal għand in-nies, għaliex minkejja t-tkabbir ta’ 7%, il-ħaddiema qed jaraw il-paga tagħhom tiżdied b’0.6% meta jitnaqqas il-piż tal-għoli tal-ħajja. Dan meta l-ispejjeż għall-ħaddiema qegħdin dejjem jiżdiedu fosthom il-kirjiet tal-propjetà.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li sfida oħra li l-ħaddiema Maltin qed jaffaċċjaw hija dik tal-immigrazzjoni, biż-żieda ta’ ħaddiema barranin. Dan għaliex l-immigrazzjoni tal-ħaddiema qed issir bla pjan u mingħajr konsultazzjoni. Matul dawn l-aħħar snin, il-Gvern ġab f’Malta ħaddiema barranin li għandhom ħiliet fejn il-ħaddiema Maltin qed ibatu minn pagi baxxi. Minflok qed jiġu attirati ħaddiema barranin ta’ kwalità li jgħallmu l-ħiliet meħtieġa lill-Maltin, qed jikkompetu mal-Maltin għax-xogħlijiet. Fit-trasport pubbliku, l-Gvern ġab 300 ħaddiem mill-Pakistan, ta’ ċertu età u sess b’mod diskriminatorju.

Adrian Delia qal li ma nistgħux inħallu lil ħaddiema jsiru skjavi tas-soċjetà u tal-konsum, meta hawn min jaħdem aktar mid-doppju tas-sigħat fil-ġimgħa sabiex jieħu d-dar il-paga biex ikun jista’ jgħix. Huwa qal li jridu noħolqu l-bilanċ bejn ix-xogħol u l-familja sabiex il-ħaddiema jkunu jistgħu jgawdu l-familji tagħhom.

Dr Delia qal li huwa inkwetanti li l-istatistika tal-Eurostat qed turi li f’Malta hawn l-akbar ammont ta’ żgħażagħ bejn it-18 u l-24 sena, li mhux qed ikomplu jistudjaw u lanqas jitħarrġu fost il-pajjiżi kollha tal-Unjoni Ewropea. Huwa qal li l-għalliema u l-lekċerers mhux iħossu li huma apprezzati u stħarriġ ieħor juri li 18% biss tal-akkademiċi lesti li jibqgħu fil-vokazzjoni tagħhom u jibqgħu jgħallmu, jekk isibu ċ-ċans ta’ karriera ġdida.

Dr Delia qal li filwaqt li t-tfal tagħna rridu nagħtuhom il-ħin biex jilgħabu rridu wkoll naraw li nagħtuhom il-ħiliet għall-jobs li qed jinħolqu. Huwa qal li għalhekk ukoll il-Partit Nazzjonalista ħoloq id-dekasteru tal-Ħiliet għas-Seklu 21, għaliex flimkien irridu nippjanaw fejn irridu li uliedna jaslu.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista fakkar li llum huwa wkoll l-14-il anniversarju mis-sħubija ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea. Adrian Delia qal li dakinhar kien hawn tħassib li l-Maltin kienu se jitilfu l-impjiegi tagħhom għax jeħduhom l-barranin. Huwa qal li għalkemm dan ma seħħx, jeħtieġ pjan fit-tul sabiex uliedna ma jagħżlux li jitilqu minn Malta, għax nispiċċaw nitilfu l-identità u pajjiżhom ma jibqgħux jagħrfuh

Il-business breakfast bit-tema ‘Il-Ħaddiema f’Malta, Pjan fit-Tul’ kien indirizzat minn mill-Pro Rettur tal-Università l-Professur Godfrey Baldacchino, il-konsulent Gejtu Vella, ir-Direttur tal-Assoċjazzjoni ta’ Min Iħaddem (MEA) Joseph Farrugia, il-Kap tad-Dipartiment tal-Public Policy tal-Università Dr Anne Marie Thake u l-Kap tad-Dipartiment tal-Ekonomija tal-Università Philip Von Brockdorff.