Futbol Sport

FUTBOL: Mancini mistenni jmexxi lill-Italja

Roberto Mancini

Roberto Mancini, il-kowċ attwali ta’ Zenit St. Petersburg mistenni jinħall minn mal-kuntratt li għandu mal-klabb Russu biex jibda jmexxi lit-tim nazzjonali Taljan.

Dan kien ikkonfermat mill-Kummissarju tal-Federazzjoni tal-Futbol Taljan (FIGC) Roberto Fabbricini fejn qal li saret laqgħa bejn Mancini, il-Viċi-kummissarju tal-FA Taljana Alessandro Costacurta u t-team manager Lele Oriali u Mancini qal li hu lest biex imexxi lit-tim nazzjonali.

L-FIGC kienet qed tfittex kowċ biex imexxi lit-tim wara li keċċiet lil Giampiero Ventura wara li l-Azzuri naqqsu milli jikkwalifikaw għat-Tazza tad-Dinja fir-Russja. B’mod temporanju qed imexxi lit-tim Luigi Di Biagio imma issa se jkun l-ekskowċ ta’ Inter li jagħmel dan.

Skont ir-rapporti l-ewwel għażla tal-FIGC kienet Carlo Ancelotti imma dan irrifjuta għax jidher li jippreferi jmexxi klabb.

Mancini hu marbut b’kuntratt ma’ Zenit li jiskadi sentejn oħra imma issa la darba jingħata r-release fit-13 ta’ Mejju jiffirma kuntratt mal-FA Taljana. B’hekk id-debutt tiegħu fuq il-bank tal-Italja mistenni jkun fit-28 ta’ Mejju li ġej meta dakinhar l-Italja tilgħab logħba ta’ ħbiberija kontra l-Arabja Sawdija.

Fl-1 u fl-4 ta’ Ġunju umbagħad l-Italja tilgħab żewġ partiti oħra ta’ ħbiberija kontra Franza u l-Olanda u f’Settembru tibda l-impenji tagħha fin-Nations League.
Mancini se jkollu salarju ta’ erba’ miljun ewro fis-sena.