Internazzjonali

L-Istat Amerikan ta’ Iowa japprova liġi kontra l-abort

Is-State Capitol Building f'Des Moines,f'Iowa.

Is-sostenituri, f’Iowa, ta’ abbozz li jipprojbixxi l-parti kbira ta’ proċeduri għall-abort mas-sitt ġimgħa tat-tqala qed jittamaw li l-miżura kapaċi tintuża biex tisfida deċiżjoni li tillegalizza l-abort li kienet ħadet il-Qorti Suprema Amerikana, fl-1973.
Il-leġiżlaturi ressqu din il-miżura lill-Gvernatur ta’ Iowa, Kim Reynolds, waqt li l-Gvernatur ta’ Nebraska, Pete Ricketts, qal li ‘jixtieq li kieku jkun hemm xi ħaġa simili fl-Istat tiegħu’. Kemm Reynolds kif ukoll Ricketts huma Repubblikani, bil-Gvernatur ta’ Nebraska jesprimi sodisfazzjon ‘talli Stati bħal Iowa qegħdin javvanzaw inizjattivi kuraġġjużi u innovattivi favur il-ħajja’.
L-abbozz ‘ta’ Iowa’ għandu jipprojbixxi l-parti kbira ta’ proċeduri għall-abort ladarba jkun hemm l-ewwel indikazzjoni ta’ taħbita tal-qalb fil-fetu (ġeneralment madwar is-sitt ġimgħa tat-tqala).
Intant, il-miżura kapaċi ‘issaħħaħ il-pożizzjoni’ tal-Istati Amerikani konservattivi li qed jieħdu l-inizjattivi għall-aktar regoli restrittivi għall-abort. Hu minnu wkoll, fl-istess ħin, li d-Demokratiċi f’Iowa qed jirreżistu b’determinazzjoni għall-abbozz inkwistjoni.
Il-kritiċi qalu wkoll li l-miżura li qed iressqu l-leġiżlaturi f’Iowa għandha tipprojbixxi l-proċedura medika (għall-abort) ‘qabel xi nisa jistgħu mqar isiru jafu li huma tqal’.
Uħud jemmnu li dan l-argument jista’ anki jwitti t-triq għal sfida legali rigward kemm il-miżura li twaqqaf l-abort mas-sitt ġimgħa tat-tqala hi konformi mal-Kostituzzjoni.
Fil-fatt, sentejn ilu, qorti tal-appell federali b’ġurisdizzjoni fuq Iowa kienet warrbet għal leġislazzjoni simili li kienet approvata f’Arkansas u North Dakota.