Futbol Sport

FUTBOL LOKALI: Is-Sibt il-finali tat-Trophy. Valletta għall-14-il darba jew Birkirkara għas-sitt darba.

Is-Sibt fil-5pm f’Ta’ Qali tintlagħab il-finali tal-FA Trophy bejn Birkirkara u Valletta.

Il-Beltin se jkunu qed jippruvaw jirbħu dan it-titlu għall-14-il darba fl-istorja tagħhom biex fl-istess ħin jagħmlu ‘Double’ wara li ġimagħtejn ilu rebħu l-kampjonat. Minn naħa tagħhom Birkirkara se jippruvaw jirbħu t-trophy għas-sitt darba fl-istorja tagħhom.

Waqt konferenza tal-aħbarijiet li għaliha kien hemm preżenti l-kowċis u l-captains taż-żewġ timijiet rispettivi, Paul Zammit, kowċ ta’ Birkirkara, f’isem il-klabb, irringrazzja lill-plejers tas-sagrifiċċji kbar li għamlu dan l-istaġun li bl-għajnuna tal-partitarji u l-Kumitat, irnexxielhom isibu post fl-Ewropa għal staġun ieħor, xi ħaġa li fil-bidu tal-istaġun dehret kważi imposibbli.

Zammit qal li bħal dan iż-żmien sena kien fl-abbissi u daq l-agħar u n-negattiv kollu tal-futbol Malti minħabba s-sitwazzjoni li kienu spiċċaw fiha Valletta. Qal li llum li għadu qed jikkowċja u jinsab fil-pożizzjoni li qiegħed, iħoss li għandu jirringrazzja lil Alla u lill-klabb ta’ Birkirka tal-fiduċja li reġa’ wera fih.

“Din il-partita finali tat-Trophy hi rigali għalina kollha u issa se nilagħbu kontra l-aqwa tim ta’ Malta. Nafu li se nilagħbu ma’ tim aħjar minna u biex nirbħulu rridu nkunu perfetti.”

Danilo Doncic, kowċ ta’ Valletta qal li f’partita waħda diffiċli li jara favorit iżda jemmen li bħalissa l-plejers tiegħu jinsabu f’forma mill-aqwa biex jaffrontaw tim bħal Birkirkara.”

Doncic kompla billi qal li hu personalment għandu esperjenza kbira ta’ partiti ta’ dawn it-tip iżda bħala plejer u mhux bħala kowċ, u l-partita tal-lum se tkun l-ewwel waħda għalih fi tmexxija ta’ tim.

“Il-partita ta’ għada tiswa’ ħafna għalija, għall-plejers u għall-kumitat. Irbaħna l-kampjonat u biex intemmu l-istaġun bi stil irridu nirbħu l-FA Trophy ukoll. Irridu li dan l-istaġun ikun jibqa’ wieħed memorabbli” qal Doncic.

Intant, il-Malta Football Association, ħabbret li għall-finali ta’ għada s-Sibt 5 ta’ Mejju, il-West Stand (enclosure) tal-istadium nazzjonali f’Ta’ Qali hu kollu mibjugħ iżda dawk li għandhom fil-pussess tagħhom ‘season ticket’ se jkollhom aċċess biex jidħlu xorta. L-MFA avżat li l-gates tal-istadium jinfetħu fit-3.30pm. L-MFA ħabbret ukoll l-allokazzjonijiet tas-seats għall-finali.

Il-partitarji ta’ Birkirkara ser jkunu qegħdin jokkupaw West A fl-enclosure kif ukoll Millennium F fil-Millennium Stands filwaqt li dawk ta’ Valletta se jkunu qegħdin fil-West C tal-enclosure kif ukoll f’Millennium D tal-Millennium Stands.