Lokali

Biljunarju Niġerjan f’vaganza ta’ lussu f’Malta

Il-biljunarju Niġerjan Olusegun Oladiran ibbukkja 380 kamra f’lukanda ewlenija f’San Ġiljan, u arena sħiħa biex iċċelebra għeluq sninu b’kunċert kbir bis-sehem ta’ kantanti, DJs u band li ġab miegħu

Illum mistenni jħalli Malta mill-ġdid il-biljunarju Niġerjan Olusegun Oladiran Adebutu, meqjus bħala wieħed mill-iktar Niġerjani sinjuri b’interessi fl-industrija taż-żejt u l-gass, merkanzija bil-baħar, kostruzzjoni, bejgħ tal-proprjetà kif ukoll l-agrikoltura u d-divertiment.

Fost oħrajn hu l-fundatur, Chairman u Kap Eżekuttiv ta’ Petrolex Oil & Gas Limited, li bħalissa qed tibni t-tieni l-ikbar raffinerija fis-Sub Saharan Africa u l-ikbar depot tal-petrol fin-Niġerja.

Adebutu, li bbukkja xejn inqas minn 380 kamra ta’ lukanda ewlenija u lussuża f’San Ġiljan, wasal f’pajjiżna nhar il-Ħamis li għadda għal tlett iljieli ta’ divertiment. Miegħu akkumpanjawh ukoll f’pajjiżna martu u ż-żewġt ibniet ta’ età żgħira, li ħallew pajjiżna lbieraħ waranofsinhar u li lkoll kienu residenti fl-aktar kmamar lussużi tal-Lukanda Intercontinental.

Matul il-jiem f’Malta, Adebutu kien taħt sigurtà personali, akkumpanjat minn żewġ bodyguards li kienu miegħu kull fejn mar.

Hu kien akkumpanjat ukoll minn grupp kbir ta’ ħbieb li jinkludu kantanti, mudelli u personalitajieti oħrajn internazzjonali mid-dinja tal-ispettaklu. Dan anke grazzi għall-fatt li riċentament waqqaf il-Baseline Records, li għandha rreġistrata magħha numru ta’ artisti mużikali.

Nhar il-Ġimgħa filgħaxija Adebutu saħansitra kellu arena fl-istess lukanda riservata esklussivament għalih, bi trattament ta’ VIP u sigurtà stretta, fejn sar kunċert ad unur l-istess Adebutu bis-sehem ta’ diversi kantanti u saħansitra grupp mużikali li ġab miegħu.  Ilbieraħ, f’temp mill-isbaħ fil-gżejjer Maltin, qatta’ sigħat jiddevertu fuq dgħajsa lussuża.

Il-lista ta’ persuni importanti kienet tinkludi fost l-oħrajn lill-:

• Kantanta Amerikana Ashanti, li ilha sa mill-1997 tkanta fuq livell internazzjonali, iżda kien fl-2002 meta ħarġet l-ewwel album tagħha li biegħ 505,000 kopja fl-ewwel ġimgħa tiegħu fl-Istati Uniti biss. Ashanti, li ħadet sehem ukoll f’serje, films u wkoll fi produzzjonijiet teatrikali, għandha lista twila ta’ unuri mirbuħa fosthom Grammy Award, tmien Billboard Music Awards, erba’ Soul Train Music Awards u żewġ American Music Awards;

• Ir-rapper Amerikan u attur Ja Rule, li spiss ikkollabora wkoll ma’ Ashanti minbarra kantanti oħra rinomati bħal Jennifer Lopez. Matul il-karriera tiegħu kellu sitt albums fil-lista tal-aqwa għaxra tal-mument bi tnejn minnhom li għamluha sal-quċċata tal-US Billboard 200;

• Il-grupp R&B Blackstreet li twaqqaf fl-1991, u li minn dak iż-żmien bidel it-tmexxija tiegħu, iżda matul is-snin kiseb diversi suċċessi bil-ħruġ ta’ erba’ albums;

• Tevin Campbell, kantant Amerikan li sa mill-1988, meta beda jkanta, biegħ madwar tliet miljun kopja madwar id-dinja apparti li ġie nominat ukoll għal ħames Grammy Awards. Għandu wkoll karriera ta’ attur, fejn ħa sehem f’seba’ films matul is-snin;

• Il-kantant Joseph Lewis Thomas, magħruf aħjar bħala Joe, li matul il-karriera tiegħu kellu fost oħrajn kollaborazzjonijiet ma’ Mariah Carey;

• Il-mudella ta’ Victoria’s Secret Angel Sarah Sampaio, Portugiża ta’ 26 sena li matul il-karriera s’issa kisbet kollaborazzjonijiet ma’ kumpaniji rinomati. Dan minbarra li fl-2014 dehret fuq il-magażin Sports Illustrated Swimsuit biex saret l-ewwel Portugiża li għamlet dan u rebħet l-unur Rookie of the Year. Dehret ukoll fuq GQ, Elle, Vogue u Glamour, inħatret l-Ambaxxatriċi tas-Sbuħija ta’ Moroccanoil kif ukoll hi rebbieħa tal-aqwa mudella fil-Portuguese Golden Globes għall-2011, 2012, 2013, 2014, 2015 u 2016.

Uħud minn dawn l-istilel tal-ispettaklu kienu hawn qabel il-wasla ta’ Adebutu f’pajjiżna. Jirriżulta li l-grupp Blackstreet wasal Malta jumejn qabel il-kumplament, nhar it-Tlieta, fl-istess jum li waslu wkoll Joe u Campbell, b’dan tal-aħħar, jum wara l-ieħor itella’ diversi ritratti minn bosta lokalitajiet f’Malta.

B’uħud li ħallew pajjiżna lbieraħ, u oħrajn li jħallu Malta llum, l-aħħar jiem kienu ġranet ta’ lussu estravaganti, b’infiq bla limitu f’pajjiżna u wkoll divertiment bħal pereżempju żjara f’Kemmuna li saret ilbieraħ, organizzata għall-Biljunarju Niġerjan.

Segun hu magħruf ukoll bħala l-fundatur, Chairman u wkoll il-persuna li jiffinanzja l-Fondazzjoni mhux Governattiva, mhux politika u li ma tagħmilx qligħ bl-isem ta’ Oladiran Olusegun Adebutu Foundation (l-OOA). Din il-Fondazzjoni twaqqfet fin-Niġerja fl-2016 u għandha l-iskop ewlieni li telimina l-faqar fin-Niġerja, issaħħaħ lill-komunitajiet fejn taħdem u teduka lit-tfal.

Sa Ottubru li għadda, sena mit-twaqqif ta’ din il-Fondazzjoni, kien ikkalkulat li ġew megħjuna 300 tifel u tifla orfni, jew tfal vulnerabbli, bil-konsegwenza li 150 minnhom ħarġu minn sitwazzjoni ta’ faqar grazzi għal programmi ta’ xogħol u studju.

Sorsi qrib in-Niġerjan qalu lil il-mument li mhux eskluż ukoll li l-familja Adebutu xtrat, jew qed tikkunsidra li tixtri passaport Malti.