Lokali

Aktar minn €5,000 b’risq puttinu waqt wirja ta’ karozzi lussużi

Aktar minn 5,000 ewro nġabru b’risq Puttinu fl-ewwel edizzjoni tal-Cars Unlimited & Coffee, li kienet organizzata fil-Marina ta’ Sa Maison.

Għad-dilettanti ta’ numru ta’ karozzi lussużi, il-ġurnata tal-Ħadd bdiet minn barra stabbiliment fil-Qawra, minfejn il-karozzi telqu wara xulxin lejn Sa Maison.

Mal-wasla fil-Marina, il-pubbliku seta’ jara dawn il-karozzi privati pparkjati u anke jieħu ritratti tal-okkażjoni magħhom.

Din l-attività, l-ewwel waħda tax-xorta tagħha li ġabret daqstant karozzi lussużi f’post wieħed, ittellgħet mill-kumpanija Cars Unlimited Premier ta’ Burmarrad. Il-mira tal-kumpanija hi li attività bħal din tittella’ ta’ kull sena ħalli tingħata aktar għajnuna lil għaqdiet fil-bżonn.

Il-fondi li nġabru b’risq Puttinu waslu wara li x-xufiera kollha li pparteċipaw intalbu jagħtu donazzjoni personali.

Fost il-karozzi li pparteċipaw kien hemm dawk tat-tip Ferrari, Aston Martin, Lamborghini, Porsche u Bentley, fost l-oħrajn.