Lokali

Is-sit tal-Magħluq f’Marsaskala għadu sa llum-il ġurnata fi stat ta’ abbandun

Is-sit tal-Magħluq f’Marsaskala għadu sa llum-il ġurnata karatterizzat minn ilma qiegħed, ammont kbir ta’ ħmieġ kif ukoll popolazzjoni dejjem ikbar ta’ ġrieden u firien.

Dan is-sit Natura 2000 ilu snin fi stat ta’ abbandun, iżda s-sitwazzjoni dejjem iktar gravi qed twassal għal periklu ta’ mard għar-residenti u dawk li jgħaddu miż-żona fosthom għexieren ta’ familji li jieħdu lit-tfal tagħhom fi ġnien pubbliku fil-qrib.

Dan minbarra inkwiet serju ta’ saħħa u sigurtà għas-sidien tal-ħwienet u stabbilimenti tal-ikel li joperaw mill-qrib.

Is-sitwazzjoni ħażina ta’ din iż-żona wasslet biex saħansitra qed jitpoġġew f’riskju speċi endemiċi bħall-ħuta tat-tip bużaqq anke għaliex ir-ramel u ħama li akkumula wassal ukoll biex qed tingħalaq iċ-ċirkolazzjoni tal-ilma.

Fid-dawl ta’ dan il-Kunsill Lokali ta’ Marsaskala fi stqarrija appella mill-ġdid lill-Ministeru tal-Ambjent immexxi minn Jose Herrera għat-tindif tas-sit, kif kien imwiegħed li jsir f’Awwissu li għadda iżda qatt ma sar.

Fi Frar tal-2016 il-Kunsill Lokali ta’ Marsaskala kien saħansitra organizza konferenza tal-aħbarijiet fejn appella lill-Gvern biex jagħti każ din iż-żona.

Dakinhar, is-Sindku Mario Calleja kien fakkar li dan is-sit hu fir-responsabbiltá tal-MEPA iżda tħalla abbandunat.

Din it-talba kienet ġiet injorata mill-Gvern, tant li l-ewwel reazzjoni waslet biss sena u nofs wara. Filfatt kien f’Awwissu tas-sena li għaddiet li Michelle Pullicino, Direttur tal-Awtorità tal-Ambjent u r-Riżorsi, kienet wegħdet proġett ta’ rijabilitazzjoni f’Il-Magħluq.

Dakinhar, fl-aħbarijiet ta’ Television malta kien dikjarat hekk.

Dan il-proġett kellu jinkludi fost l-oħrajn it-tneħħija tal-papri miż-żona, li kienu qed ikomplu jnaqqsu l-popolazzjoni tal-bużaqq, kif ukoll ħidma biex titkattar din il-ħuta u ma tintilifx.

Kienet saret proposta anke li jitwaħħlu kameras tas-sigurtà biex jinqabad min jarmi l-iskart b’mod illegali. Kellu jiġi implimentat ukoll pjan biex jiġu eliminati l-firien, iżda issa jidher biċ-ċar li anke dan il-pjan falla.