Internazzjonali

ALDO MORO: Bħal-lum 40 sena nstab il-ġisem bla ħajja tiegħu, maqtul u mitfugħ f’bagoll ta’ karozza

Kitba tad-deputat Carm Mifsud Bonnici fil-ġurnal IN-NAZZJON

1. Erbgħin sena ilu nqatel bniedem li nittama li llum diversi minkom jieqfu jiftakru fih. Aldo Moro kien politiku Taljan. Membru importanti ta’ partit politiku li x-xenarju Taljan għadu jħoss in-nuqqas tiegħu, dak Demokratiku Kristjan. Fid-dinja tagħna, fejn qegħdin niġu influwenzati minn ideat u politika li ma humiex kontinentali, dan ma napprezzawhx. Insib ħafna li la jafu dwar dan l-ideal politiku li għamel ħafna ġid lill-Italja u lil pajjiżna u wisq inqas dwar min kienu l-protagonisti tiegħu.

2. Moro kien bniedem mimli intelliġenza, umiltà u onestà. Meta taqra ħajtu u kitbietu tintlaqat bl-abbiltà u l-kapaċità tiegħu li jaħdem biex jifhem min ma jaqbilx miegħu. Kien demokratiku ffurmat fl-għeruq u fl-għerf li l-Knisja Kattolika għadha toffri lid-dinja. Minn meta kien student kellu moħħu ċar dwar ħidmet in-nisrani fis-servizz tal-bniedem. Daqshekk ieħor meta wara t-Tieni Gwerra Dinija ġie elett fil-Parlament Taljan. Għad għandna kitbietu u l-interventi parlamentari, li huma uniċi, speċjalment dawk marbuta mal-bini tal-Kostituzzjoni tal-Italja.

3. Il-karriera politika tiegħu kienet unika. Għadda minn ħafna. F’mumenti kien is-Segretarju Ġenerali tal-partit. F’oħrajn Ministru tal-Ġustizzja, tal-Edukazzjoni, tal-Affarijet Barranin kif ukoll il-Prim Ministru tal-pajjiż. F’oħrajn ġie mwarrab kompletament. Kellu però l-abbiltà li jistenna minkejja d-dubji kbar dwar jekk kellux jibqa’ fid-dinja politika. Maż-żmien kliemu, ħsibijietu, l-għerf li jiddibatti fit-tul u fid-dettall ma’ dawk li ma kinux fl-istess partit tiegħu rendewh lura bħala protagonist ewlieni.

4. Kien fil-mumenti meta l-partit warrbu fil-ġenb ittentat iħalli kollox biex jiddedika ruħu għall-istudenti universitarji. Kien professur tad-dritt penali. Wieħed li kemm jista’ jkun ma kienx ifalli l-lezzjonijiet. Miftuħ għall-istudent. F’dak li jaħseb, f’dak li jikteb u f’dak li jagħmel. Għad għandna wkoll f’idejna n-noti tiegħu dwar dan is-suġġett. Kien impenjat sew, imma baqa’ impenjat sal-aħħar jiem ta’ ħajtu.

5. Biss kien sar protagonist minħabba fir-realtà politika li żviluppat. Iż-żewġ partiti prinċipali f’dak iż-żmien kienu d-Demokrazija Kristjana u l-Partit Komunista. Għalkemm tal-ewwel kellu iktar saħħa parlamentari, però ebda wieħed ma kellu jew ma seta’ jifforma waħdu gvern. Proprju fil-bidu tas-sena 1978 kien qiegħed fi proċess ta’ diskussjoni ma’ Enrico Berlinguer, il-Kap tal-Partit Komunista, fil-linja politika magħrufa bħala l-Compromesso Storico. L-abbiltà tiegħu wasslitu għall-konklużjoni ta’ gvern Demokratiku Kristjan bl-appoġġ estern ta’ dak Komunista.

6. Għadda minn ħafna diffikultajiet u kien ikkontestat ħafna. Biss kien bniedem li jagħraf ir-realtà politika u li hemm interess nazzjonali li jirbaħ pożizzjonijiet politiċi riġidi. Għaraf jibni pontijiet u toroq li ħadd ma kien jimmaġina li setgħu jinbnew. Illum, l-Italja fil-pożizzjoni politika li għandha, ċertament tixtieq li kellha bniedem ieħor bħalu kapaċi jwassalha għal gvern li ma jistax jitwieled minħabba r-riġidità u l-kondizzjonalità.

7. Proprju minħabba din il-kapaċità li bħala nisrani rnexxielu jwettaq, li f’dan il-jum waqt li kien sejjer il-Parlament, fis-16 ta’ Marzu 1978, ġie maħtuf minn grupp terrorista magħruf bħala l-Brigate Rosse. Dak li ġara f’dawk il-jiem u għala ġara huma suġġett ta’ diversi kotba. Żgur mhux forsi, il-grupp komunista ried jolqot direttament lill-Istat Demokratiku Taljan. Waqt li kien għaddej proċess legali u kriminali kontra numru ta’ membri tal-Brigate Rosse għal diversi omiċidji li dawn kienu wettqu, riedu jaħtfuh, jipproċessawh u joqtluh.

8. F’dik il-ġurnata mietu erba’ membri tal-forza tal-ordni li kienu miegħu. Wara, il-pajjiż inqasam u sa ċertu punt għadu bejn dawk li riedu jaslu fi ftehim mal-Brigate Rosse u dawk li ma ridux. Moro waqt li kien miżmum kiteb numru ta’ ittri lil diversi politiċi. Min jerġa’ jaqrahom jifhem iktar il-martirju li għadda minnu. Ftehim ma kienx hemm. Moro nqatel u l-katavru tiegħu nstab fid-9 ta’ Mejju 1978, bħal-lum 40 sena.

9. Għadda minn ħafna f’dawk il-jiem. Illum, wara erbgħin sena, inħoss li għandna nieqfu niftakru fil-valur ta’ bnedmin li servew bħalu. Ta’ dawk l-insara li daħlu fil-politika u baqgħu leali lejn l-ideal tagħhom. Ta’ dawk li nħossni politikament viċin tagħhom. Ta’ dawk li aktar ma jgħaddi ż-żmien iktar naqbel magħhom.

10. Nagħlaq proprju għalhekk b’dan il-kliem tiegħu: “Perchè io credo nella Democrazia cristana; io amo la DC; io penso che in essa, come in un ambiente del tutto naturale, come nel luogo della mia vocazione giovanile e della mia multiforme e sofferta esperienza, io sono posto al servizio del paese. Il dialogo politico, che diventa ogni giorno più serrato e più complesso, parte da quì. La DC non è tutto, certo, ma è molto per me. So bene che bisogna andare innanzi, capire, parlare, ricevere e dare, cambiare, trovare equilibri di giustizia e di libertà adatti al paese. Ma, per fare tutte queste cose, si parte da quì, da questo dato fondamentale della vita politica.”