Lokali Mużika

Il-logħob, il-mużika, iż-żfin u l-letteratura jżewqu Rulina

Proġett oriġinali tal-Banda San Leonardu ta' Ħal Kirkop għall-Valletta18

Il-kalendarju kulturali tal-Valletta 2018 huwa mzejjen bi proġett artistiku oriġinali ta’ banda Maltija, dik tal-Għaqda Mużikali San Leonardu ta’ Ħal Kirkop.

Rulina huwa proġett ispirat mid-dinja tal-logħob tat-tfal permezz ta’ testi letterarji mexxejja miktuba għall-okkażżjoni minn Leanne Ellul u riċerkati mis-Sezzjoni tal-Etnografija fi ħdan Heritage Malta.

Dawk preżenti se jsalpaw fuq vjaġġ ta’ mużika oriġinali u żfin kontemporanju, b’korjografija ta’ Christina u Valentina Cauchi minn Danza C, li ser jitlaq mid-dinja tal-logħob tat-tfal sabiex iwassal għal riflessjonijiet dwar id-dinja li qegħdin ngħixu fiha, il-ġenn tal-ħajja, u saħansitra l-mewt.

Il-logħob popolari li l-kompożizzjoni hija bbażżata fuqhom huma Dawra Durella, Pizzi Pizzi Kanna, Iż-Żunżana Ddur Iddur u Kastig li permezz tagħhom ser jiżżewweġ dak li hu tradizzjonali ma’ element kontemporanju.

Il-kompożizzjoni ta’ Rulina hija ta’ Euchar Gravina, li kiteb il-mużika għal 28 mużiċist tal-banda tradizzjonali, kollha strumentali għall-kompożizzjoni għaliex kull mużiċist se jkolli parti differenti. Dawn it-28 element bandistiku se jkunu taħt id-direzzjoni tas-Surmast Direttur Daniel Vella, direttur artistiku tal-proġett u mgħejun mill-Assistent Surmast, Jessica Ellul.

Żewġ rappreżentazzjonijiet ta’ Rulina, bi preżentazzjoni ta’ Elaine Saliba Bonnici, se jittellgħu nhar is-Sibt 12 ta’ Mejju li ġej fit-8.30PM u d-9.30PM fil-bitħa tal-Palazz Vilhena fl-Imdina.