Internazzjonali

L-Italja jista’ ikollha Prim Ministru indipendenti

Il-Prim Ministru Taljan li jmiss jista’ ikun personalità indipendenti li la hu membru tal-Moviment Cinque Stelle ( l-akbar partit fl-Italja) jew tal-Lega Nord li jipponi l-immigrazzjoni. Sadanittant, hemm indikazzjonijiet li Gvern ġdid kapaċi jingħata l-ġurament f’Ruma il-ġimgħa d-dieħla jekk kollox jimxi kif suppost.

Vincenzo Spadafora,  li hu qrib Luigi Di Maio, il-Kap ta’ Cinque Stelle, semma l-ipoteżi fejn ‘tingħażel tielet persuna bi profil għoli u li hi fdata miċ-ċittadini Taljani u s-sieħba internazzjonali tal-Italja’.

Il-Moviment Cinque Stelle u l-Lega għamlu ‘passi sinifikanti’ lejn it-twaqqif ta’ Gvern bil-għan li jikkonkludu ġimgħat twal ta’ staġnar politiku wara l-elezzjoni ġenerali.

Madankollu, għad hemm polemika dwar min għandu jkun il-Prim Ministru ġdid meta l-kandidati ewlenin, s’issa, kienu Di Maio jew il-kap tal-Lega, Matteo Salvini.

Il-President Taljan, Sergio Mattarella, li għandu l-aħħar kelma dwar kwalunkwe Gvern ġdid, ta liż-żewġ naħat sal-Ħadd biex jirrappurtaw lura għandu dwar il-prospetti għall-amministrazzjoni li jmiss.