Lokali

FILMAT: Silvio Schembri f’attakk kontra min ibati minn dipressjoni

Il-kampanja qawwija li għaddejja f’pajjiżna biex tkun miġġielda l-istigma dwar min ibati minn kundizzjonijiet mentali sfumat fix-xejn minn membru tal-Kabinett Laburista qrib ħafna tal-Prim Ministru Joseph Muscat.

Dan hekk kif kumment ta’ kritika fuq Twitter wassal biex is-Segretarju Parlamentari Silvio Schembri attakka persuni bi problemi ta’ saħħa mentali meta ssuġġerixxa lil min ikkritika biex jieħu mediċina li jieħdu dawk li jbatu b’dawn il-problemi.

Fuq Twitter, il-user “BugM” ikkritika l-fatt li x-Xandir tal-Istat u l-istazzjon televiżiv tal-Partit Laburista rrappurtaw tweġiba mingħajr ma xandru r-rapport oriġinali li wassal għal dik it-tweġiba.

Dan wassal biex is-Segretarju Parlamentari Silvio Schembri wieġeb billi qal lil din il-persuna li għandha tieħu l-mediċina Prozac darbtejn kuljum ħalli jgħaddilha. Din il-mediċina tingħata lil min ibati mill-kundizzjoni ta’ dipressjoni, fost l-oħrajn.

Il-kumment ta’ Silvio Schembri wassal għall-kritika ta’ ħafna, fosthom tal-Membru Parlamentari Ewropew f’isem il-Partit Nazzjonalista Roberta Metsola, li qalet li l-attakk tas-Segretarju Parlamentari hu tal-mistħija.

Hi fakkret fil-kampanja li għaddejja, fost l-oħrajn anke bir-rappreżentanza ta’ Christabelle fil-Eurovision bil-kanzunetta Taboo, biex tkun miġġielda l-istigma marbuta mal-problemi ta’ saħħa mentali.

Roberta Metsola appellat lis-Segretarju Parlamentari biex jiskuża ruħu għall-kumment li għadda.