Lokali

Kumpanija tal-gaming b’allegati rabtiet mal-Mafja Taljana baqgħet taħdem f’Malta

Kumpanija tal-gaming b’allegati rabtiet mal-Mafja Taljana baqgħet taħdem f’Malta minkejja li l-liċenzja biex topera kienet kanċellata mir-regolatur.

Il-Grupp Investigative Reporting Project Italy, li qed tagħmel parti minn the Daphne Project żvelat li l-kumpanija Leaderbet kompliet taħdem minkejja li l-liċenzja kienet ikkanċellata fi Frar li għadda.

Il-ġurnal Times of Malta jirrapporta li kelliem tal-Awtorita’ dwar il-logħob jgħid li l-Awtorita’ għamlet rapport lill-pulizija x-xahar li għadda.

Din l-aħbar ġiet jum biss wara li l-istess Times of Malta u La Repubblica irrapportaw dwar allegazzjonijiet serji li kumpaniji tal-gaming f’Malta kellhom rabtiet mal-kriminalita’ organizzata.

Dawn ir-rapporti kienu miċħuda mill-Awtorita’ tal-Logħob bħala fattwalment mhux korretti, spekulazzjoni, gideb u jagħtu stampa intiża li tiżvijja dwar il-mod kif taħdem l-Awtorita’.

Qalet li dawn l-aħħar rapporti huma stejjer rehashed li dwarhom diġa’ ttieħdet azzjoni.

Skont dokumenti tal-Qorti f’Palermo, il-kumpanija li hi s-sid ta’ Leaderbet – LB Group – taħdem f’Palermo permezz ta’ raġel imlaqqam Jonathan  u allegatament warajha hemm żewġ familji mafjużi minn Cosa Nostra f’Palermo.