Lokali

Libertà proviżorja għar-raġel li ammetta li għamel theddida falza ta’ bomba fuq il-Gozo Channel

Ronald Mallia ta’ 30 sena mill-Mosta ngħata l-libertà proviżorja fuq garanzija personali ta’ €20,000 wara li ġie identifikat mill-Pulizija bħala l-persuna li għamel it-theddida falza ta’ bomba fuq il-Gozo Channel. Hu kien ordnat jiffirma darbtejn fil-ġimgħa f’għassa u biex ma jitlaqx minn Malta.

Il-każ seħħ nhar it-Tlieta li għadda bil-Pulizija tinterċetta t-telefonata li saret minn quddiem il-Kon Katidral ta’ San Ġwann. Hu nqabad wara li ġew iċċekkjati l-kameras tas-sigurtà fiż-żona.

Id-difiża stqarret li Mallia ammetta mill-ewwel li kien hu, iddikjara li żbalja u jirrealizza li dak li għamel mhux ġustifikabbli u għalhekk talbet li jignħata sentenza ta’ xogħol fil-komunità anke fid-dawl li għandu tifla żgħira.

Madankollu l-prosekuzzjoni nnutat kif Mallia ħoloq biża’ fuq il-ħaddiema u l-passiġġieri tal-Gozo Channel, għamel użu ħażin ta’ apparat tat-telekommunikazzjoni, ħoloq inkonvenjent kbir u anke dannu, kemm lill-passiġġieri, uħud minnhom li kellhom raġunijiet ta’ saħħa, kif ukoll effett ħażin lill-ekonomija.

Fost dawk li spiċċaw vittmi ta’ Mallia hemm pazjenti li kienu ġejjin lejn Malta biex jieħdu kura għall-kanċer, kif ukoll vann mimli bil-mediċina. Kien hemm ukoll min tilef it-titjiriet li kellu.

Kawża tal-aġir ta’ Mallia, is-servizz tal-Gozo Channel ġie sospiż għal tliet sigħat, bit-tfittxijiet ma jwasslu għall-ebda sejba ta’ materjal perikoluż.

Il-każ fil-konfront ta’ Mallia jkompli, bis-sentenza mistennija fil-jiem jew ġimgħat li ġejjin.

AĠĠORNATA: Theddida ta’ bomba fuq vapur tal-Gozo Channel; tfittxija f’diversi vetturi