Futbol Sport

Doppjetta għal Birkirkara bir-rebħ tan-knock-out

Il-plejers u staff ta' Birkirkara jiċċelebraw is-suċċess tan-knock-out (Ritratt: Joe Borg)
Mġarr United joffru sfida denja fejn kienu megħluba biss bl-għoti tal-penalties

Wara li rebħu l-kampjonat, Birkirkara rebħu wkoll in-knock-out biex għamlu d-doppjetta. Huma għelbu lil Mġarr United 5-4 wara l-għoti tal-penalties wara li l-partita fil-ħin regolamentari ntemmet 1-1, biex kisbu dan it-trofew għall-14-il darba.

Fl-ewwel staġun tagħha bħala kowċ ta’ Birkirkara, Melania Bajada rebħet iż-żewġ unuri, biex għamlet bħal Shawn Meilak li staġun ilu kien mexxa lit-tim Karkariż għal dan is-suċċess. Mġarr ħaqqhom kull tifħir hekk kif immexxija minn Patrick Curmi, offrew sfida denja.

Huma fetħu l-logħba aħjar fejn għal ftit ma skorjawx, iżda l-gowlkiper ta’ Birkirkara Janice Xuereb kienet attenta biex issalva. Ftit wara, Stephania Farrugia wieġbet għal Birkirkara iżda x-xutt tagħha mid-distanza stampa mal-mimduda.

Birkirkara komplew jagħfsu għad-draw u Veronique Mifsud falliet ċans tajjeb minn quddiem il-gowlkiper. Fit-tieni taqsima, Tracy Teuma pruvaw tegħleb lill-gowlkiper avversarja, iżda x-xutt angolat spiċċa barra.

It-tim ta’ Patrick Curmi beda jżid fil-logħob u setgħu marru minn fuq iżda Xuereb salvat tajjeb ix-xutt ta’ Roxanne Micallef. Iżda fit-72 minuta, Mġarr fetħu l-iskor b’xutt ta’ Claudette Xuereb li ħabat mal-lasta qabel ma skorjat mir-rebound. Iżda l-Istripes ġabu d-draw erba’ minuti wara, b’awto gowl ta’ Maida Debono.

Birkirkara marru qrib li jdawru l-iskor b’opportunitajiet ta’ Teuma u Alishia Sultana. Fuq in-naħa l-oħra, Mġarr fallew ċans minn Amber Grech.

Il-partita għaddiet għall-ħin barrani u sussegwentament għall-penalties. Birkirkara skorjaw erba’ penalties minn Gabriella Zahra, Samantha Zarb, Stephania Farrugia u Alishia Sultana, kontra t-tliet penalties skorjati minn Mġarr.