Ekonomija Ewropa Lokali Unjoni Ewropea

Qbil fuq ir-rapport ta’ Casa dwar bilanċ bejn il-ħajja u x-xogħol

Skont is-sit internazzjonali Agence Europe, fil-Kumitat tal-Parlament Ewropew dwar l-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali, jidher li se jintlaħaq kunsens dwar l-abbozz tar-rapport imħejji mill-MEP tal-Partit Nazzjonalista David Casa, dwar id-direttiva li toħloq bilanċ bejn il-ħajja u x-xogħol. Tant li, skont dan is-sit ta’ reputazzjoni, il-vot mistenni jittieħed f’Ġunju minflok f’Lulju.

Ilbieraħ, David Casa, li hu r-rapporteur ta’ dan ir-rapport, laqa’ l-kunsens relattiv li diġà jeżisti fuq temi importanti, bħall-introduzzjoni tal-leave għall-missirijiet f’każijiet ta’ addozzjoni, iż-żieda fil-perjodu li l-leave għall-missirjiet ma jkun trasferibbli, l-introduzzjoni ta’ limitu għal-leave tal-missirijiet għal 10 ijiem, u l-introduzzjoni ta’ leave ta’ 5 ijiem għal carers.

Fin-negozjati li saru fil-ġimgħat li għaddew intlaħaq qbil ukoll dwar l-introduzzjoni ta’ klawżola li għandha twassal biex stati membri li għandhom liġijiet aktar progressivi minn dik tad-direttiva Ewropea, ma jkollhomx għalfejn jirreduċu l-liġijiet tagħhom.

Fost affarijiet li għadhom għaddejjin negozjati dwarhom hemm il-perjodu li fih il-ġenituri jistgħu jagħmlu talbiet biex jinbidlu l-ħinijiet tax-xogħol. Il-Kummissjoni Ewropea u xi MEPs qed jissuġġerixxu li dan il-perjodu jkun sakemm it-tfal ikollhom 12-il sena, waqt li l-MEP Casa qed jissuġġerixxi li l-perjodu massimu jkun ta’ 10 snin.

Diskussjoni oħra li qed issir fil-Parlament Ewropew hi dwar kemm jitħallsu l-ġenituri waqt il-vaganzi. Il-Kummissjoni Ewropea qed tiproponi li l-ħlas jitla’ sal-livell tal-benefiċċju għall-mard fil-pajjiżi rispettivi. Skont l-MEPs, iżda, dak propost iwassal għal wisq differenzi bejn l-istati membri. Għalhekk, David Casa qed jiproponi li dan il-ħlas ikun ta’ 75% tal-paga.

David Casa, flimkien mal-MEP Maria Arena mill-Grupp tas-Soċjalisti, qed jittammaw li l-vot dwar dan ir-rapport isir f’Ġunju. Dan hekk kif fil-21 ta’ Ġunju, il-Kunsill tal-Ministri mistenni li jasal għal qbil politiku fuq l-abbozz u jibda l-proċess għan-negozjati bejn l-istituzzjonijiet fil-perjodu tas-sajf.

Id-drittijiet tal-ġenituri se jitjiebu b’mod drastiku – David Casa