Lokali

“Irridu noħolqu industriji ġodda biex ikollna xogħol li jħallas tajjeb u ta’ kwalità” – Adrian Delia

Iddikjara dan il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia, li l-Ħamis fetaħ it-tieni ġurnata tal-Kungress Pan Ewropew dwar il-Kreditu, organizzat f’pajjiżna mill-Federazzjoni tal-Assoċjazzjonijiet Ewropej tal-Kreditu.

“Irridu noħolqu industriji ġodda biex ikollna xogħol li jħallas tajjeb u ta’ kwalità, irrid nindirizzaw l-inġustizzji soċjali, speċjalment fis-settur tal-proprjetà. Irridu naraw l-ekonomija tagħna tiżviluppa industriji moderni fejn ikollna vantaġġ kompetetittiv filwaqt li nsaħħu l-ġid tas-soċjetà waqt li nsostnu prospetti demokratiċi u kwalità ambjentali,” iddikjara Adrian Delia.

Kompla li “biex nagħmlu dan irridu investiment fis-servizzi pubbliċi, edukazzjoni, infrastruttura u inizjattivi biex lill-popolazzjoni tagħna ntuha pajjiż fejn wieħed jista’ jgħix minkejja d-densità kbira fil-popolazzjoni.”

Adrian Delia ddikjara li filwaqt li hu tajjeb li l-ekonomija ta’ pajjiżna sejra tajjeb, ma rridux ninsew li għandna min qed jaqa’ lura u mhux ilaħħaq mal-ħajja.

“Nemmnu f’ekonomija miftuħa, imma l-mod kif l-ekonomija qed tiżviluppa tista’ u qed twassal għal tqassim inġust tal-ġid b’piż qawwi fuq l-ambjent tagħna,” imma stqarr li “ma nistgħux ninjoraw li s-salarji tagħna mhux ilaħħqu mal-iżviluppi ekonomiċi li aħna tant kburin bihom. Ma nistgħux nħarsu n-naħa l-oħra meta l-penzjonanti tagħna mhux ilaħħqu u jridu jiddependu fuq il-Gvern.”

Iddikjara wkol lli “rridu ntejbu l-livell tal-edukazzjoni għaż-żgħażagħ Maltin u Għawdxin. Ma nistgħux ninjoraw l-importanza ta’ governanza tajba u r-reputazzjoni tas-setturi tagħna li llum saru pilastri ewlenin.”

Dan fl-istess waqt li Adrian Delia wissa’ li “ma nistgħux ninjoraw ir-rule of law, irridu nippjanaw l-immaniġġjar tal-iskart minflok nonfqu miljuni biex nipprojbixxu materjal li nistgħu nirriċiklaw. Ma nistgħux ninjoraw id-degradazzjoni tal-ambjent li tnaqqas kemm pajjiżna hu attraenti.”

Il-kap tal-Partit Nazzjonalista wissa’ wkoll li bħalissa għaddejjin minn maltempata li ħloqna aħna stess, b’dellijiet ta’ korruzzjoni politika, ftehim dubjużi fis-suq taż-żejt u l-gass, nuqqas ta’ rule of law, bank lokali użat għall-ħasil tal-flus u saħansitra l-qtil ta’ ġurnalista.

“Ma nistgħux indawru wiċċna. L-istituzzjonijiet irridu naraw li jaħdmu kif suppost,” iddikjara Adrian Delia.