Lokali

In-nies għandhom igawdu mit-tkabbir ekonomiku u mhux jaraw żieda fl-inflazzjoni

In-nies jeħtieġ li jkollhom serħan il-moħħ li meta l-ekonomija tinsab sejra tajjeb, it-tkabbir ekonomiku għandu jasal għand kulħadd. Dan meta hawn familji u anzjani li mhux qed jaslu sal-aħħar tax-xahar minħabba l-ispejjeż.

Jappella dan il-Partit Nazzjonalista fi stqarrija mill-Kelliema tal-Oppożizzjoni dwar l-Ekonomija, is-Servizzi Finanzjarji u l-Innovazjoni, Kristy Debono.

Dan hekk kif l-aħħar ċifri tal-Eurostat juru li l-inflazzjoni żdiedet b’1.8% u allura qed nersqu lejn ir-rakkomandazzjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew, li l-inflazzjoni m’għandhix taqbeż it-2%. L-istess statistika Ewropea turi li xahar wara xahar, Malta rreġistrat żieda fl-inflazjoni, li tirriżulta miż-żieda fl-ogħli tal-ħajja, ta’ 3.1% li kienet l-ogħla fost il-pajjiżi kollha tal-Unjoni Ewropea.

Il-Partit Nazzjonalista jiddikjara li meta ċ-ċifri tal-Gvern qed juru li l-ekonomija kibret b’7%, in-nies qed jistennew li dan it-tkabbir ekonomiku jirriżultalhom ukoll fiż-żidiet fil-pagi biex ikollhom għajxien diċenti u aħjar.

Dan għaliex mill-istatistika tal-Eurostat jirriżulta li s-sena li għaddiet il-pagi żdiedu biss b’0.6% f’termini reali jew 2% gross li minnhom trid titnaqqas l-inflazzjoni.

Il-Partit Nazzjonalista jemmen fi żmien meta l-ekonomija serja tajjeb, l-ewwel li għandhom igawdu minn dawn ir-riżultati huma n-nies, il-familji u l-anzjani. Biż-żieda fl-ogħli tal-ħajja u l-inflazzjoni minflok tispoċċa titnaqqar il-paga u l-ħaddiema mhuma qed igawdu xejn mit-tkabbir ekonomiku li qed tipproduċi s-soċjetà.