Internazzjonali

Jippreżentaw il-patt għall-Gvern ġdid fl-Italja

 

Il-Moviment Cinque Stelle u l-Lega Nord, li qed jippreparaw biex imexxu lill-Italja, ippubblikaw programm għall-politika konġunta li jinkludi qtugħ fit-taxxa u impenn ta’ dħul bażiku garantit għall-foqra. Il-programm hu r-riżultat ta’ 70 jum ta’ konsultazzjonijiet intensivi.

Iż-żewġ partiti populisti, fil-preżent, għadhom qed jikkonsultaw mal-membri dwar il-pjan għall-koalizzjoni, iżda baqgħu ma nnominawx Prim Ministru.

Il-patt konġunt – jew ‘kuntratt’ – ma jispjegax kif  se jkun iffinanzjat dan l-infiq potenzjali. Jekk il-patt ikun approvat mill-membri tal-partiti, dan għandu, imbagħad, ikun ippreżentat il-ġimgħa d-dieħla lill-President Taljan Sergio Mattarella.

Intant ma hemm l-ebda ħjiel, fil-kuntratt, li l-Italja tista’ tirtira miz-zona ewro. Dan meta l-Kap ta’ Cinque Stelle, Luigi Di Maio u l-Kap tal-Lega, Matteo Salvini, għandhom ikomplu għaddejjin bil-laqgħat fi tmiem il-ġimgħa.