Lokali

Imut l-eks ambaxxatur ta’ Malta Joe Cassar

Joe Cassar serva bħala l-ambaxxatur ta’ pajjiżna f’diversi pajjiżi għal snin twal:  rappreżentant Malti permanenti għan-Nazzjonijiet Uniti f’Ġinevra bejn l-1991 u l-1993 u fi New York bejn 1993 u l-1996 u ambaxxatur fl-Italja bejn l-1999 u l-2002. Serva wkoll bħala ambaxxatur Malti għaċ-Ċina kif ukoll għal-Libja.

Ta wkoll kontribut politiku kbir hekk kif bejn l-1985 u l-1991 serva bħala Direttur Editorjali tal-Independence Press, kif ukoll President tal-Kunsill Amministrattiv tal-Partit Nazzjonalista bejn l-1988 u l-1991.

Fil-qasam tal-edukazzjoni, Cassar kien magħruf bħala edukatur mill-aqwa b’Dottorat fix-Xjenza Politika mill-Università Kattolika ta’ Milan, fejn speċjalizza fir-relazzjonijiet internazzjonali u għallem fis-St John’s University ta’ New York bejn l-1997 u l-1999.

Il-PN isellem il-memorja ta’ Joe Cassar

Il-Partit Nazzjonalista jsellem il-memorja ta’ Dr Joe Cassar, diplomatiku espert li serva f’diversi karigi fosthom Ambaxxatur għall-Italja, r-Russja u l-Libja.

Dr Cassar għamel żmien jikkopa l-kariga ta’ Direttur Editorjali tal-Istamperija Indipendenza u President tal-Kunsill Amministrattiv tal-Partit Nazzjonalista, filwaqt li kien ta’ kontribut ukoll fl-AŻAD.

Huwa kien ukoll kittieb u kien l-awtur tal-ktieb Gonzi and Malta’s break with Gaddafi, b’riflessjonijiet dwar il-qagħda fil-Libja wara l-waqa’ tar-reġim ta’ Gaddafi.
Il-Partit Nazzjonalista jagħti l-kondoljanzi lill-familja Cassar.