Internazzjonali

‘L-ebda indikazzjoni’ qabel il-massakru ta’ Texas

 

Filwaqt li l-Istat Amerikan ta’ Texas jinsab ixxukkjat u mbikkem wara l-massakru ta’ studenti u għalliema fi skola ta’ Santa Fe, l-awtoritajiet lokali qalu li – kuntrarju għal sparaturi oħrajn preċedenti fl-iskejjel tal-pajjiż ( u li wkoll ħallew ħafna vittmi) – ‘din id-darba’ ma kien hemm l-ebda sinjali suspettużi dwar l-aġir tal-aggressur responsabbli.

Il-qattiel,  Dimitrios Pagourtzis, student ta’ 17 il-sena, spiċċa arrestat mill-pulizija u qed jinżamm il-ħabs f’Galveston County. Hu qed ikun akkużat bi qtil premeditat wara li hu, nhar il-Ġimgħa, daħal fi klassi tal-arti u fetaħ in-nar fuq min inzerta quddiemu.

Fil-ħin tal-attakk kien hemm 1,400 student fl-iskola, bir-rapporti jgħidu li Pagourtzis beda jispara fuq in-nies b’senter u rivolver li kien ħa mingħand missieru. Ir-rapporti qalu wkoll li l-aggressur kien speċjalment irrabjat għall-preżenza ta’ xi pulizija fl-iskola u fejn spiċċa jferi wieħed minnhom li spiċċa f’sitwazzjoni kritika.

Il-pulizija sabu informazzjoni fuq id-djarju, il-kompjuter u t-telefon ċellulari taż-żgħażugħ li jindikaw li Pagourtzis kien ippjana l-attakk u, wara, kien qed jaħseb biex joqtol lilu nnifsu. Il-Gvernatur ta’ Texas, Greg Abbott, qal li l-adolexxenti, iżda, ‘iddeċieda li jċedi (wara l-massakru) għaliex ma kellux il-kuraġġ li jneħħi ħajtu b’idejh’.

Iż-żgħażugħ,qabel il-massakru, kien issuġġerixxa, permezz ta’ messaġġi fuq il-media soċjali, li hu ateju u li ‘jobgħod il-politika’.

Kienet anki konfermata s-sejba ta’ splussivi fl-iskola ta’ Santa Fe waqt li fl-aħħar sigħat, mijiet ta’ nies ħadu sehem fil-vejl ta’ talb għall-vittmi tal-isparatura, qrib l-iskola ta’ Santa Fe.