Sport Sport Ieħor

Simon Yates jirbaħ il-15-il stadju tal-Giro d’Italia

Simon Yates jaqsam il-linja finali tal-15-il stadju (Ritratt: EPA)

Il-Britanniku Simon Yates rebaħ il-15 stadju biex kompla jsaħħaħ postu fil-quċċata tal-Giro d’Italia. Yates li għandu 25 sena, attakka bi 18-il kilometru fl-istadju ta’ Sappada biex rebaħ il-flokk ir-roża.

Iċ-champion renjanti Tom Dumoulin u Chris Froome tilfu aktar ħin. Sa issa l-ebda Britanniku qatt ma rebaħ il-Giro d’Italia, u b’ġimgħa għat-tmiem, Yates għandu żewġ minuti u 11-il sekonda vantaġġ.

Dan kien it-tielet stadju li Yates rebaħ f’din l-edizzjon ital-Giro u probabbli hi l-aktar waħda impressjonanti. Dumoulin daħal 41 sekonda wara Yates u kiseb biss erba’ sekondi bonus, kontra l-għaxra li Yates kiseb talli rebaħ l-istadju.

Froome, li deher li seta’ jerġa’ jidħol fit-taqtigħa għar-rebħ tal-Giro d’Italia, iżda tilef minuta u nofs f’dan l-istadju u issa jinsab kważi ħames minuti taħt il-kompatrijott. Bi 18-il kilometru għat-tmiem, Miguel Angel Lopez żied il-veloċità li fetaħ il-grupp, b’Chris Froome jpatti qares hekk spiċċa mingħajr sħabu u niżel diversi postijiet.

Yates ħa vantaġġ u ħa 18-il sekonda vantaġġ fuq il-grupp ta’ ħamsa magħmul minn Dumoulin, Lopez, Richard Carapaz, Domenici Pozzovivo u Thibaut Pinot, b’Froome jaqa’ b’distakk ta’ minuta u għaxar sekondi.

Għada tkun ġurnata ta’ mistrieħ għaċ-ċiklisti qabel it-time trial ta’ 34.2 kilometru t-Tlieta li tista’ tkun deċiżiva. Doumoulin bħalissa hu ċ-champions tad-dinja tat-time trial. Iżda mill-Ħamis li ġej, it-tiġrija tkompli fil-muntanji bi tlitt ijiem, b’Yates u Froome jistgħu jieħdu aktar ħin mingħand Olandiż.