Lokali

Il-Kunsill Lokali tal-Belt Valletta jinħeles mill-akkużi ta’ malafama

Sidien ta’ proprjetà fil-Belt Valletta tilfu kawża ta’ malafama li kienu fetħu fil-konfront tal-Kunsill Lokali tal-Belt Valletta.

Il-każ beda fis-26 ta’ Lulju ta’ sentejn ilu meta l-Kunsill Lokali tal-belt Valletta, permezz tal-paġna uffiċjali fuq Facebook, iddeskriva lis-sidien bħala ‘maħmuġin.’

Dan wara li quddiem il-proprjetà, numru 119 fi Triq ir-Repubblika, is-sidien ħarġu munzell skart, ħafna minnu skart goff li faċilment u mingħajr ħlas jista’ jinġabar mill-kuntrattur tal-Kunsill Lokali kemm-il darba jintalab dan is-servizz, kif ukoll skart tal-kostruzzjoni.

Fid-dawl tar-rapporti li waslu għand il-kunsill, fuq Facebook ittellgħu ritratti tal-iskart quddiem il-faċċata, liema post kienet akkumpanjata minn kitba li tgħid hekk: “Is-sid ta’ din il-proprjetà ma kellux diċenza jġib skip… le ma tarax… itfa’ barra ħdejn l-iskip tal-Kunsill… kissirha… u kompli itfa’ barra… MAĦMUĠIN.”

Is-sidien, Summit Finishers, ħadu għalihom u ħassewhom malafamati meta ġew riferuti bħala maħmuġin u għalhekk fetħu kawża quddiem il-Qorti.

Il-Maġistrat Francesco Depasquale, li quddiemu nstemgħet din il-kawża, ikkunsidra li l-Kunsill Lokali ma kienx semma’ lis-sidien b’isimhom waqt li r-ritratti ma kinux jidentifikawhom.

Fid-dawl ta’ dan, il-Kunsill Lokali tal-Belt Valletta kien liberat mill-akkużi ta’ malafama.