Lokali

Hemm bżonn li l-iskejjel indipendenti jiġu mgħejuna finanzjarjament – MUT

Jekk l-iskejjel indipendenti mhux se jiġu mgħejuna finanzjarjament, dawn mhux se jkunu f’pożizzjoni li joffru l-istess pakkett finanzjarju li skejjel tal-Gvern jew tal-Knisja joffru lill-edukaturi.

Din it-twissija ħarġet mill-union tal-Għalliema, l-MUT, li appellat lill-Gvern biex joffri assistenza finanzjarja lill-iskejjel indipendenti.

Din il-problema diġa bdiet tidher b’mod ċar f’diskussjonijiet li għadom fi stadju inizzjali bejn l-istess union u erba’ skejjel indipendenti hekk kif qed ikunu diskussi l-ftehim kollettiv tagħhom.

Fi stqarrija, l-MUT esprimiet tħassib serju dwar is-sitwazzjoni, hekk kif hemm riskju li s-settur jiġi destabilizzat bl-għalliema li jfittxu impjieg mal-Istat jew fi skejjel tal-Knisja minflok skejjel indipendenti.

Filwaqt li l-gvern diġa joffri għajnuna finanzjarja lill-iskejjel indipendenti biex titħallas il-paga tal-Learning Support Assistants, din l-għajnuna mhux biżżejjed biex l-iskejjel indipendenti ilaħħqu mal-ftehim kollettiv ta’ skejjel tal-Gvern u tal-Knisja.

“Mingħajr din l-assistenza finanzjarja,” tiddikjara l-MUT, “l-iskejjel indipendenti ma jkollhomx għażla ħlief li jgħollu b’mod konsiderevoli l-ispejjeż lill-ġenituri li jibagħtu lil uliedhom għandhom, jew inkella jimpjegaw għalliema bla kwalifiċi jew inqas kwalifikati minn oħrajn.”

Fit-twissija tagħha, l-MUT tiddikjara li jekk dan iseħħ, isir għad-detriment tal-kwalità tas-servizz offrut b’impatt finanzjarju konsiderevoli fuq il-ġenituri.

Din hi wkoll kwistjoni urġenti hekk kif matul il0ġimgħat li ġejjin se jibda l-ingaġġ tal-edukaturi għas-sena skolastika li jmiss.