Lokali

Residenti fiż-Żurrieq ilhom għaddejjin minn martirju għal 3 snin sħaħ

Ir-residenti ta’ Vjal ix-Xarolla fiż-Żurrieq għadhom għaddejjin minn martirju kawża ta’ dewmien esaġerat fi proġett ta’ kostruzzjoni mill-ġdid tal-istess triq. Proġett li issa qed iqarreb it-tliet snin mindu beda.

Fl-aħħar jiem matul din it-triq instabu diversi fdalijiet arkeoloġiċi bl-iktar sejba spettakolari ssir ġimgħatejn ilu meta nstab kumpless sħiħ ta’ katakombi taħt l-art.

Bl-istudji li għadhom sejrin. Hu maħsub li s-sit jista’ jkun l-istess kumpless li jgħaqqad maż-żona tax-Xarolla, fejn hemm ukoll wieħed isib iktar oqbra u katakombi.

Net News tkellem ma’ residenti li spjegawlna li huma onorati bil-wirt storiku ogħli tar-raħal taż-Żurrieq, u ħadd mhu jippretendi li din is-sejba tintradam mit-tarmak u tinqered darba għal dejjem. Anzi, dawk kollha li tkellimna magħhom enfasizzaw il-bżonn li din is-sejba prezzjuża tiġi preservata. Madankollu lmentaw li min qed jagħmel ix-xogħol nesihom u m’offriex soluzzjoni alternattiva.

Filfatt żjara fuq il-post turi b’mod evidenti kif ingħalaq kull aċċess għall-garaxxijiet tar-residenti, bil-konsegwenza li għal xhur twal dawn spiċċaw jipparkjaw il-vettura barra, għall-elementi, man-naħa l-oħra tat-triq.

Residenti li joqgħodu f’parti tat-triq li hi mbarrata b’fencing apposta, qed ikollhom jimxu parti twila tat-triq biex isibu l-ewwel aċċess għar-residenzi tagħhom.

Fl-istess triq hemm ukoll stabbilimenti li qed iħossu mhux ftit ir-riperkussjonijiet taż-żmien twil li dan il-proġett qed jieħu. Dan apparti raġunijiet ta’ saħħa u sigurtà hekk kif partijiet mill-bankina mhux protetti, bir-riskju li xi ħadd jista’ jaqa’ u jweġġa’.

F’Jannar li għadda, erba’ xhur ilu, il-kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia kien żar din it-triq u spjega kif din is-sitwazzjoni hi inaċettabbli anke għall-ħwienet ta’ din it-triq.

Dwar din is-sitwazzjoni, ripetutament tkellem ukoll id-Deputat Nazzjonalista Toni Bezzina li fil-Parlament semma’ mhux biss l-inkonvenjent għar-residenti imma wkoll it-tniġġis tal-arja bi trab li qed jikkawża wkoll problemi ta’ saħħa.

Ix-xogħol fuq Vjal ix-Xarolla kellu jkun lest minn kollox, inkluż it-tarmak, sal-Milied tal-2016. Ix-xogħol mistenni jdum għal żmien ferm itwal hekk kif bħalissa wieħed isib ftit ħaddiema jnaddfu l-fdalijiet mill-ħamrija u t-terrapien, taħt l-osservanza retta ta’ arkeoloġisti mis-Supretendenza tal-Wirt Kulturali.