Internazzjonali

Ġlied qalil f’Derna fil-Libja

Ġellieda taħt il-kmand tal-kmandant Libjan Khalifa Haftar kienu mdaħħla fi ġlied qalil madwar il-belt ta’ Derna. Dan hekk kif żewġ suldati nqatlu fi splużjoni ta’ karozza-bomba u ieħor inħataf minn checkpoint.
Il-ġlied madwar Derna hu l-agħar li kien hemm minn mindu l-forzi ta’ Haftar bdew offensiva biex jieħdu l-kontroll tal-belt. Din il-belt hi mmexxija minn koalizzjoni ta’ militanti Iżlamiċi u ribelli veterani magħrufa bħala l-Kunsill Derna Mujahideen Shura. Il-forzi ta’ Haftar ilhom jippruvaw jsaħħu l-kontroll fuq il-Lvant tal-Libja minn mindu s-sena li għaddiet kienu ħadu l-kontroll ta’ Bengażi.
Issa jidher li l-forzi ta’ Haftar dawru lil Derna u kull tant żmien jagħmlu attakki mill-ajru.
Aktar kmieni dan ix-xahar Haftar qal li kien se jeħles il-belt.
Sorsi qalu li l-ġlied hu wieħed aħrax u li ħalla madwar 20 persuna mejta. Il-karozza-bomba seħħet f’Ajdabiya filwaqt li s-suldat inħataf minn checkpoint madwar Bengażi. L-ISIS ħadu r-responsabbilta tal-attakk bil-bomba.