Lokali

Il-lokalità ta’ Ħal Qormi tiċċelebra l-275 sena

Il-Kunsilli Lokali mhux jingħataw biżżejjed fondi u tneħħielhom il-poter minn idejhom tant li issa lanqas se jkunu jistgħu jagħżlu huma liem toroq hemm bżonn li jinbnew jew jitranġaw fil-lokalitajiet tagħhom stess.

Iddikjara dan Clyde Puli, membru parlamentari u eks Sindku ta’ Ħal Qormi, hekk kif f’jum Ħal Qormi ltaqgħu flimkien l-eks Sindki kollha ta’ Ħal Qormi li servew din il-lokalità fl-aħħar 25 sena.

Hu rrefera b’mod speċjali għall-Awtorità ġdida mwaqqfa mill-Gvern li se tara li jsiru t-toroq madwar il-pajjiż u esprima t-tama tiegħu li finalment l-għażla ta’ liema toroq hemm bżonn isiru tkun tal-Kunsilli Lokali nfushom u mhux tal-Gvern ċentrali.

Puli, li esprima s-sodisfazzjoni li serva lil din il-belt li jagħmluha n-nies u mhux is-swar, enfasizza wkoll fuq il-bżonn tal-komunità fi ħdan il-lokalitajiet waqt li rrefera għad-deċiżjoni li jitwaqqfu l-Kunsilli Lokali fl-1993 bħala pass kuraġġuż li għall-ewwel ħafna ma fehmux imma li llum japprezzawh.

Il-Kunsill Lokali qed jiċċelebra l-275 anniversarju mindu ġie ffirmat id-digriet li wassal biex Ħal Qormi jingħata t-titlu ta’ Belt, Citta Pinto.

Biex ikun iċċelebrat dan l-anniversarju, il-Kunsill Lokali bi ftehim ma’ Malta Post ħarġu sett ta’ ħames bolol b’disinn ta’ Daniel Scerri. Ħarġa li hi limitata ħafna hekk kif hemm għall-bejgħ biss mitt kopja.

Sadattant matul il-konferenza tal-aħbarijiet ġie ffirmat ukoll ftehim biex il-mitħna ta’ Ħal Qormi tiġi devoluta u tgħaddi f’idejn il-Kunsill Lokali.

Din il-mitħna, li tinsab taħt il-bypass tal-Imrieħel, issa mistennija tiġi restawrata biex tibda tintuża bħala ċentru ta’ attivitajiet kulturali.

Għal din il-konferenza tal-aħbarijiet attenda wkoll is-Segretarju Parlamentari responsabbli mill-Kunsilli Lokali, Silvio Parnis.