Lokali

“It-tfal fl-iskejjel jixirqilhom li jingħataw frott u ħaxix frisk” – il-Partit Nazzjonalista

It-tfal fl-iskejjel għandu jingħatalhom frott u ħaxix li jkun frisk u bnin għal saħħithom.

Iddikjara dan il-Partit Nazzjonalista wara li ġenituri urew it-tħassib tagħhom għall-kwalità tal-ikel li qed jingħata lil uliedhom fl-iskejjel.

“It-tfal jixirqilhom frott u ħaxix frisk u mhux servizz fl-iskejjel li reġa’ ddaħħal bl-għaġla mill-Gvern qabel tintemm is-sena skolastika,” jingħad fl-istqarrija maħruġa mis- Segretarju Ġenerali u Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Edukazzjoni Cldye Puli u l-Membru Parlamentari Ewropew Francis Zammit Dimech.

L-iskema tat-tqassim tal-frott u l-ħaxix b’xejn fl-iskejjel kienet iddaħħlet minn Gvern Nazzjonalista sabiex it-tfal jitgħallmu dwar l-importanza tal-frott u l-ħaxix f’dietà tajba li tkun nutrijenti. Dan fi sforz nazzjonali li tonqos l-obeżità fost it-tfal Maltin u Għawdxin. Jekk il-frott u l-ħaxix ma jkunx frisk l-għan edukattiv ta’ dan is-servizz jispiċċa fix-xejn.

Minħabba nuqqasijiet amministrattivi din l-iskema kienet waqfet għal numru ta’ xhur u ttellgħet fuq livell Ewropew ukoll mill-MEP Francis Zammit Dimech.

Dan permezz ta’ mistoqsijiet fil-Parlament Ewropew, fejn il-Kummissjoni Ewropea stess ikkonfermat li kien il-Gvern li kien qed ikaxkar saqajh biex l-iskema terġa’ tkompli.

Il-Partit Nazzjonalista għalhekk jappella biex lit-tfal fl-iskejjel jitqassam frott u ħaxix frisk u s-servizz jingħata bl-inqas impatt ambjentali bl-użu tal-inqas ammont ta’ plastik possibbli.

Din l-iskema tnediet mill-ġdid iktar kmieni dan ix-xahar, b’fondi mill-Unjoni Ewropea, bis- Segretarju Parlamentari għall-Biedja, Sajd u Drittijiet tal-Annimali Clint Camilleri li waqt konferenza tal-aħbarijiet iddikjara li saru diversi suġġerimenti u proposti li waslu kemm mill-ġenituri, kif ukoll mill-edukaturi.

Iżda Camilleri tgiddeb mill-istess ġenituri u edukaturi li kkritikaw id-deċiżjoni li jitqassam frott mhux frisk. Biex jingħata frott ippreparat, saħansitra se jiżdied b’mod konsiderevoli l-iskart, hekk kif il-frott se jingħata f’kontenituri tal-plastik waqt li mal-ħalib se jitqassmu wkoll straws tal-plastik.

Filfatt iktar kmieni din il-ġimgħa Nature Trust Malta nnotat bi pjaċir li ħafna skejjel huma kontra t-tqassim ta’ ħalib u frott fl-iskejjel minħabba l-ammont kbir ta’ skart li din tiġġenera.

Qalet li billi hawn ħafna eko-skejjel, dan it-tqassim imur kontra l-prinċipju li l-istess skejjel qed jippruvaw jgħaddu lill-istudenti tagħhom rigward il-ħarsien tal-ambjent.