Internazzjonali

L-abort fl-Irlanda: Se jidħlu liġijiet ġodda sal-aħħar tas-sena

 

Il-Prim Ministru tal-Irlanda, Leo Varadkar, qal li pajjiżu se jkollu liġi ġdida dwar l-abort sal-aħħar tas-sena. Dan wara li, fir-referendum tal-Ġimgħa, l-Irlandiżi vvutaw bi ħġarhom favur il-bidliet fil-liġi għall-abort, kif elenkata fil-Kostituzzjoni.

Il-leġiżlazzjoni proposta se tippermetti għall-abort waqt l-ewwel 12-il ġimgħa tat-tqala. Il-permess għandu jkun ikkonfermat ukoll ‘għall-24 ġimgħa tat-tqala taħt ċirkustanzi eċċezzjonali’.

Sadanittant, il-Ministru tas-Saħħa Irlandiż, Simon Harris, għada, se jfittex l-appoġġ tal-Kabinett ta’ Dublin rigward l-abbozz il-ġdid tal-leġiżlazzjoni.

Intant, wara l-vot favur il-bidla fir-Repubblika tal-Irlanda, l-attenzjoni issa daret lejn il-liġijiet dwar l-abort (daqstant ieħor stretti) fl-Irlanda ta’ Fuq. Dan meta l-Prim Ministru tar-Renju Unit, Theresa May, qed tiffaċċja diġà l-pressjoni biex taġixxi skont iċ-ċirkustanzi.

L-Irlanda ta’ Fuq dalwaqt se ssir l-unika parti tar-Renju Unit u l-Irlanda fejn tkun għadha effettiva projbizzjoni totali għat-terminazzjoni tat-tqala. Iżda May tinsab f’sitwazzjoni diffiċli minħabba li l-amministrazzjoni tagħha tiddependi mill-appoġġ ta’ għaxar deputati tal-Partit (Irlandiż) Democratic Unionist, li jopponu kwalunkwe riforma fil-liġi għall-Irlanda ta’ Fuq.

Fir-referendum tal-Ġimgħa, ’il fuq minn żewġ terzi tal-votanti appoġġjaw id-deċiżjoni biex tinbidel il-liġi għall-abort f’kull kostitwenza tar-Repubblika Irlandiża – bl-eċċezzjoni ta’ Donegal. Il-konsensus għar-riforma kien konklussiv fost in-nisa u l-irġiel ta’ kważi kull età fid-diversi reġjuni tar-Repubblika, bir-riżultat finali jaqra 66.4 fil-mija favur il-bidla, bi 33 fil-mija jopponuha.

Id-dibattitu qabel ir-referendum kien dwar jekk titneħħiex sentenza fil-Kostituzzjoni li tesiġi l-projbizzjoni kważi totali għall-abort – anki f’sitwazzjonijiet ta’ stupru u abnormalitajiet fil-fetu li jistgħu jirriżultaw fatali. Dik il-parti tal-Kostituzzjoni, magħrufa bħala l-Eighth Amendment, tgħid li t-tarbija fil-fazi tat-tqala għandu jkollha l-istess dritt bħall-omm li qed iġġorrha, b’dan jirrifletti l-element tal- ugwaljanza fejn jidħol rispett għall-ħajja.