Lokali

Muscat irid lil Cyrus filwaqt li jwarrab lil Stagno Navarra

Fost l-affarijiet li ħarġu mil-laqgħa tal-Grupp Parlamentari Laburista li saret aktar kmieni din il-ġimgħa fiċ-Ċentru Nazzjonali Laburista kien hemm dik li ngħata dawl aħdar lil Cyrus Engerer biex jikkontesta għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew f’isem il-Partit Laburista, iżda fl-istess waqt il-kandidatura ta’ Karl Stagno Navarra twarrbet għal kollox.

Ismijiet oħrajn ta’ kandidati prospettivi f’isem il-Partit Laburista se jkunu Charlon Gouder, Josef Caruana u possibbilment ukoll Lorna Vassallo. Dawn l-ismijiet se jingħaqdu ma’ dawk diġà Membri Laburisti fil-Parlament Ewropew.

Fl-isfond li fil-jiem li għaddew sar magħruf li Cyrus Engerer kien bagħat ir-riżenja tiegħu minn Rappreżentant tal-Prim Ministru fl-Unjoni Ewropea, issa nistgħu niżvelaw kif din il-mossa kienet maħsuba direttament biex issa jiffoka fuq kampanja elettorali għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew bħal dan iż-żmien sena.

Il-pariri li ngħata Cyrus Engerer hu li minnufih irid jibda jdur id-djar, jattendi l-attivitajiet tal-Partit u jitħallat man-nies jekk bis-serjetà qed jaspira li jmur tajjeb fl-elezzjoni tas-sena d-dieħla fejn hemm kollegi tiegħu li huma kontra Joseph Muscat li diġà qed imexxuha li ma hux bniedem affidabbli għaliex oriġinarjament ġej mill-kamp oppost.

Jekk Joseph Muscat u ta’ madwaru huma favur Cyrus Engerer, mhux l-istess jista’ jingħad fil-konfront ta’ Karl Stagno Navarra li litteralment mhux biss kellu l-aspirazzjonijiet tiegħu li jkun fost il-kandidati Laburisti għall-elezzjoni tas-sena d-dieħla mwarrba, iżda fil-laqgħa tal-Grupp Parlamentari ħareġ ċar li Karl Stagno Navarra ma hux bniedem affidabbli.

Fil-ġimgħat u x-xhur li għaddew Karl Stagno Navarra – imfittex minn bosta għal każijiet serji ta’ frodi tant li għandu lista ta’ kawżi pendenti fil-Qorti – għamel minn kollox biex jipprova jimpressjona lit-Tmexxija tal-Partit Laburista ħalli jkun fost il-kandidati għall-elezzjoni tas-sena d-dieħla.

Iżda l-lagħqiżmu sfrenat tiegħu u l-ħdura fil-konfront tal-Partit Nazzjonalista kienu aktar imsiemer għat-tebut tiegħu fil-konfront tal-aspirazzjonijiet li jkun mal-kandidati Laburisti għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew.

Mil-laqgħa tal-Grupp Parlamentari Laburista ħareġ ċar li Joseph Muscat u ta’ madwaru jħarsu b’lenti diminuttiva ħafna fil-konfront ta’ Karl Stagno Navarra li l-mira tiegħu kienet li jipprova jisfrutta din l-opportunità biex forsi jibda jħallas id-dejn uffiċjali ta’ nies jiġru warajh.