Lokali

Għasfur rari u protett jispiċċa maqtul illegalment fis-Salina

Matul l-aħħar ġimgħa, Xifa – għasfur tal-passa li huwa speċi skarsa u irregolari –
kien osservat l-ewwel fir-Riserva Naturali tal-Għadira mmexxija minn BirdLife
Malta, u mbagħad fir-Riserva Naturali tas-Salina.

B’xorti ħażina, dan l-għasfur tal-plajja sabiħ u rari spiċċa fil-mira tal-kaċċa illegali tul tmiem il-ġimgħa li għaddiet minkejja li huwa speċi protetta u minkejja wkoll li kien f’post li suppost huwa mħares bil-liġi, tul l-istaġun magħluq. Sew l-Għadira kif ukoll is-Salina huma siti Natura 2000 u santwarji protetti tal-għasafar.

Ix-Xifa l-ewwel dehret fir-Riserva Naturali tal-Għadira nhar il-Ħadd 20 ta’ Mejju,
kmieni filgħodu fejn setgħu jgawduha wkoll membri tal-pubbliku u familji li żaru r-riserva
ta’ BirdLife Malta matul dak il-weekend.

Wara li qattgħet ftit jiem fir-riserva, nhar l-Erbgħa 23 ta’ Mejju x-Xifa ħalliet l-Għadira u dehret ittir minn fuq linħawi magħrufin bħala Tas-Safra fit-Triq tal-Kosta qabel ma niżlet tistrieħ firRiserva Naturali tas-Salina fejn, iżda, ftit jiem wara, inqatlet matul il-lejl ta’ bejn is-Sibt 26 u l-Ħadd 27 ta’ Mejju.

Fil-fatt, f’xi ħin bejn is-Sibt tard billejl u s-sigħat bikrin tal-Ħadd filgħodu xi ħadd
spara fuq dan l-għasfur u qatlu. Jidher li min wettaq dan l-att illegali jew daħal fir-riserva f’nofs ta’ lejl jew inkella fetaħ in-nar fuq din l-ispeċi protetta mid-dawra
ta’ barra tal-post.

Hekk kif BirdLife Malta kienet infurmata minn membri tal-pubbliku li kienu nstemgħu tiri ta’ senter fl-inħawi, ġiet infurmata mill-ewwel il-pulizija. F’dak il-punt l-għasfur deher mejjet f’wiċċ l-ilma u ħaddiema ta’ BirdLife Malta mbagħad ġabruh mill-ilma kmieni lbieraħ filgħodu. L-għasfur mejjet ittieħed għand ilveterinarju tal-gvern li kkonfermat li x-Xifa nqatlet illegalment b’tiri ta’ senter.

Din l-ispeċi hija mħarsa bil-liġi taħt Anness 1 tad-Direttiva Ewropea tal-Għasafar, u
riżultat ta’ dan taħt il-liġijiet Maltin li wieħed joqtol lil dan l-għasfur iġorr miegħu
multa ta’ €5,000.

BirdLife fi stqarrija ddikjarat li “rrispettivament minn dawn il-pieni ħorox, in-nuqqas ta’ infurzar u anke l-fatt li mhux qed jitħaddmu kif suppost il-proċeduri regolatorji fir-rigward tal-ibbalzmar mit-Taqsima tar-Regolamentazzjoni għall-Għasafar Selvaġġi (Wild
Birds Regulation Unit, WBRU), fosthom l-ispezzjonijiet ta’ kollezzjonijiet privati,
qed iwassal għal żieda fin-numru ta’ għasafar protetti li jinqatlu illegalment biex
jiġu bbalzmati, bħalma jidher li kienet l-intenzjoni f’dan il-każ.

Kaċċaturi San Ubertu (KSU) tikkundanna dan il-qtil

Fi stqarrija Kaċċaturi San Ubertu kkundannat il-qtil tax-xifa, u appellat lill-awtoritajiet biex jinvestigaw bir-reqqa dan il-każ.

Il-membri tal-KSU kien ilhom isegwu dan l-għasfur sa mill-Ħadd 20 ta’ Mejju tant li ttellgħu diversi ritratti tal-istess għasfur u li ttieħdu minn membri stess.

KSU appellat li l-Pulizija jieħdu kull pass neċessarju u jinvestigaw l-każ bl-iskop li jsibu xhieda jew filmati minn CCTV li jistgħu jaqbdu lil min wettaq dan l-att, kif ukoll lill-ġudikatura biex ma turi l-ebda ħniena.